Sport Waterpolo

Tispikka l-prestazzjoni kontra l-Ungerija fi tliet telfiet għat-tim Malti ta’ taħt is-17-il sena fil-COMEN Cup

(Ritratt; FIN)

It-tim nazzjonali Malti ta’ taħt is-17-il sena sofra tliet telfiet minn Grupp A fil-COMEN Cup li qed issir f’Cagliari. F’dan it-tournament qed jieħdu sehem is-seba’ nazzjonijiet il-kbar fl-Ewropa, bit-tim Malti qed jieħu sehem biex jipprepara bl-aħjar mod għall-Kampjonat Ewropew li se jsir ġimagħtejn oħra fi Tbilisi. Il-grupp l-ieħor hu magħmul mill-Kroazja, il-Greċja, l-Italja u Spanja.

Flimkien mal-kowċ nazzjonali Karl Izzo hemm ukoll il-fiżjoterapist Edward Bonello u t-Team Manager Karl Galea li hu wkoll parti mill-Kumitat Tekniku tal-COMEN. Hu kien id-delegat fil-logħbiet Spanja v Kroazja, Serbja v Montenegro u Greċja v Spanja. Peter Balzan qed jirrappreżenta lil Malta bħala referee. Balzan ikkontrolla l-logħbiet Italja v Greċja, Kroazja v Italja u Italja v Spanja.

Fl-ewwel impenn tal-Ħamis, Malta tilfet 19-5 kontra s-Serbja, bl-ewwel sessjoni tkun ta’ differenza enormi hekk kif is-Serbi rebħu 8-1. Huma daħlu jistrieħu 12-2 minn fuq u wara li t-tielet sessjoni ntemmet f’parità, is-Serbja għalqet l-aħħar sessjoni b’erba’ gowls konsekuttivi, f’dik li kienet l-unika sessjoni li Malta ma skorjatx. Il-ħames gowls Maltin ġew skorjati minn Jake Muscat.

Fit-tieni logħba ta’ dalgħodu, waslet it-tieni telfa kontra l-Ungerija bl-iskor ta’ 18-6. L-ewwel sessjoni ntemmet 2-2 bit-tim Malti jkun darbtejn minn fuq b’gowls ta’ Jake Bonavia u Benji Cachia. Sa ftit wara nofs it-tieni sessjoni, Malta kienet 5-4 minn taħt wara li għat-tim Malti skorjaw Jake Muscat u Jake Bonavia.

L-Ungeriżi daħlu jistrieħu 8-4 minn fuq iżda doppjetta ta’ Muscat naqset id-distakk għal żewġ gowls wara żewġ minuti mill-ftuħ tat-tielet sessjoni. Iżda fl-aħħar tliet minuti tas-sessjoni l-Ungeriżi aċċertaw mir-rebħa u bdew l-aħħar sessjoni 11-6 li fiha skorjaw seba’ gowls mingħajr risposta u għamlu l-iskor li ftit jirrifletti l-andament tal-konfront.

Illum ukoll iżda waranofsinhar, Malta tilfet 18-2 kontra l-Montenegro fejn kienet evidenti l-għajja fuq il-plejers Maltin. Iż-żewġ gowls tat-tim Malti waslu minn Benji Cachia u Jake Muscat, b’tal-ewwel jiskorja fl-ewwel sessjoni wara li l-Montenegro kienu fetħu vantaġġ ta’ 5-0. Il-Montenegro daħlet tistrieħ 11-2 u skorjat seba’ gowls mingħajr risposta wara l-mistrieħ.

It-tim Malti fadallu jilgħab tliet logħbiet. Għada f’11.40 Malta tilgħab kontra r-rebbieħ ta’ Grupp B u bejn għada u l-Ħadd iż-żgħażagħ Maltin jilagħbu żewġ logħbiet oħra ta’ klassifikazzjoni.

Skwadra Maltija

Miguel Vassallo (Sliema), Julian Farrugia (Neptunes), Lucas Falzon (Sirens), Gabriel Melillo (Sirens), Mark Carani (Sliema), Benjamin Cachia (Sliema), Nico Schiavone (Sliema), Sebastian Busuttil (Neptunes), Gianni Farrugia (Sirens), Jake Bonavia (San Ġiljan), Matthew Chircop (Sirens), Jake Muscat (Neptunes), Gianni Galea Curmi (Sirens), Jacob Saliba (Sliema), Sebastian Stellini (Neptunes), Marco Rossi (Neptunes)