Borussia Dortmund rebħu s-Super Cup Ġermaniża għas-sitt darba u għall-ewwel darba mill-2014, wara li għelbu liċ-champions Ġermaniżi Bayern Munich 2-0. Normalment, din il-logħba tara lir-rebbieħa tal-Bundesliga u d-DFB Pokal jilagħbu kontra xulxin imma minħabba li Bayern rebħu ż-żewġ unuri, lagħbu Borussia Dortmund li spiċċaw it-tieni fil-kampjonat l-istaġun li għadda.
Din kienet tpattija sportiva għalihom wara li f’April, Dortmund kienu tilfu bl-iskor kbir ta’ 5-0 fl-aħħar konfront dirett li witta t-triq biex Bayern Munich rebħu l-kampjonat b’vantaġġ ta’ żewġ punti. Aktar minn hekk din hi wkoll konferma tal-intenzjoni li Borussia Dortmund li jerġgħu jisfidaw għar-rebħ tal-kampjonat.
Wieħed mill-protagonisti tar-rebħa kien l-internazzjonali Ingliż Jadon Sancho. Hu għamel ġirja tajba biex qassam lejn Paco Alcacer li għeleb lil Manuel Neuer wara żewġ minuti mill-ftuħ tat-tieni taqsima. Bayern Munich kellhom okkażjonijiet li jġibu d-draw iżda Marwin Hitz salva tentattiv ta’ Leon Goretzka u daqqa ta’ ras ta’ Kinglsey Coman. Il-plejer Ingliż ta’ 19-il sena rdoppja fid-69 minuta b’ġirja oħra tipika li biha għeleb lil Neuer b’xutt fil-baxx.
//= $special ?>