Basketball Sport

FILMAT: Ir-referee Bernard Vassallo b’inċident rari fil-bidu ta’ logħba basketball

Ir-referee internazzjonali Malti tal-basketball Bernard Vassallo għadda minn esperjenza rari waqt il-Kampjonati Ewropej ta’ taħt it-18-il sena li qed isiru bħalissa f’Oradea fir-Rumanija.

Dan l-inċident seħħ l-Erbgħa li għadda waqt il-logħba mill-ħames ġurnata mil-logħbiet tal-gruppi bejn il-Belġju u r-Rumanija. Eżatt mal-ftuħ tal-logħba fil-jump ball inizjali, Vassallo għolla l-ballun bejn iż-żewġ plejers avversarji u bi sfortuna l-plejer Rumen qabeż ħażin u spiċċa biex b’minkbu laqat lil Vassallo fuq nagħsu.

Bid-demm ħiereġ mad-daqqa, Vassallo kellu jwaqqaf il-logħba u ġie mdewwi minnufih fuq il-court. Sussegwentament kellu jittieħed l-isptar għal osservazzjoni u kura u hemm spiċċa wkoll bil-punti fuq rasu. Vassallo ħalla l-isptar aktar tard filgħaxija u kollox jindika li jista’ jirritorna fl-azzjoni fil-jiem li ġejjin.