Sport Waterpolo

Gallo jispira lil Sirens għal rimonta u kwalifikazzjoni għas-semifinali tan-knock-out

San Ġiljan jegħlbu l-ostaklu ta' Marsaxlokk mingħajr wisq diffikultà

SIRENS GREENTUBE…………. 13 EXILES ELIA CATERERS……………….. 10

(2-3), (2-2), (2-4), (7-1)

Rimonta fl-aħħar nofs tal-aħħar sessjoni poġġiet lil Sirens Greentube fis-semifinali tan-knock-out b’rebħa ta’ 13-10. Exiles Elia Caterers għandhom iħossuhom sfortunati li ma ħarġux bil-logħba bir-rebħa hekk kif għal ħafna ħin kienu qed jikkontrollaw tajjeb. Għal Exiles lagħab iż-żagħżugħ Max Martin flok l-imweġġa’ Matthew Castillo li kellu partita aħjar minn meta ddebutta kontra San Ġiljan.

Isaiah Riolo kien poġġa lil Sirens minn fuq iżda Marko Jelaca ġab id-draw minn man-up. Milos Vukicevic poġġa lil Exiles fil-vantaġġ minn penalty u għamel l-istess wara li Paul Privitera kien ġab id-draw parzjalment. Fit-tieni sessjoni, Sirens ġabu d-draw f’żewġ okkażjonijiet iżda reazzjoni immedjata rat lil Exiles jieħdu vantaġġ wara ftit sekondi permezz ta’ Michele Stellini u Timmy Sullivan rispettivament.

Wara l-mistrieħ, Sirens kellhom bżonn li jibqgħu viċin l-avversarji. Mark Fenech għamel l-iskor 6-4 minn man-up iżda Valentino Gallo skorja l-ewwel gowl tiegħu u naqqas id-distakk. Jelaca reġa’ rdoppja l-vantaġġ ftit wara iżda Gallo reġa’ naqqas id-distakk għal gowl. Dan sakemm Milos Vukicevic minn man-up u Jelaca taw vantaġġ ta’ tliet gowls lil Exiles.

Gallo skorja t-tielet gowl personali fl-ewwel azzjoni tal-aħħar sessjoni iżda Mark Fenech għamel l-iskor 10-7 u deher li sa dak il-mument Exiles kienu qed jersqu lejn rebħa importanti. Paul Privitera ta tama lil Sirens li jwettqu rimonta b’gowl minn qagħda ideali. Wara li anki kienu sfortunati f’xi konklużjonijiet li ħabtu mal-lasta, Sirens wettqu r-rimonta fl-aħħar tliet minuti u nofs tal-logħba. Isaiah Riolo naqqas id-distakk, Christian Presciutti ġab id-draw u Edward Aquilina skorja l-gowl tal-vantaġġ. Valentino Gallo għalaq il-logħba b’doppjetta fl-aħħar żewġ minuti u nofs.

Sirens: N. Grixti, J. Zerafa Gregory, C. Prescutti (1), P. Privitera (2), M. Grech, J. Brownrigg (1), I. Riolo (2), V. Gallo (5), J. Napier, E. Aquilina (2), L. Caruana, M. Sciberras, O. Gauci, P. Serracino, L. Grech Carr

Exiles: M. Martin, M. Stellini (1), A. Magri, M. Jelaca (3), T. Sullivan (1), S. Xerri de Caro, M. Fenech (2), K. Griscti, M. Vukicevic (3), A. Cousin, N. Paris, P. Paris, M. Castillo, S. Apap, C. Von Brockdorf

Referees: Stefan Licardi, Alessandro Chimenti

San Ġiljan jegħlbu l-ostaklu ta’ Marsaxlokk mingħajr wisq diffikultà

SAN ĠILJAN TUM INVEST……….. 17 MARSAXLOKK BROWN’S…………. 11

(6-3), (3-2), (5-2), (4-4)

San Ġiljan TUM Invest kisbu t-tieni rebħa konsekuttiva meta din id-darba għelbu lil Marsaxlokk Brown’s Pharma 17-11. Ir-rebħa għat-tim Ġiljaniż qatt ma kienet f’periklu u kkontrollaw il-logħba mingħajr diffikultà. Is-saħħa ta’ Marsaxlokk huma l-barranin tagħhom u f’din il-logħba reġgħu ma ddiżappuntawx.

Il-Ġiljaniżi rebħu l-ewwel sessjoni 6-3, b’Dino Zammit jiskorja doppjetta filwaqt li t-tliet gowls ta’ Marsaxlokk ġew skorjati minn Ivan Nagaev. Marsaxlokk pruvaw jibqgħu fil-logħba hekk kif il-Kroat Andrija Vlahovic wieġeb darbtejn għal Dino Zammit u Niksa Dobud, bl-istess plejer jagħmel l-iskor 9-5. Marsaxlokk daħlu fil-logħba parzjalment fit-tielet sessjoni b’gowls tal-koppja Vlahovic u Nagaev. Dan sakemm gowls konsekuttivi minn Ben Plumpton, Ben Grech, Andreas Galea u Niksa Dobud għalqu l-logħba għal 13-7.

Fatt interessanti lejn tmiem it-tielet sessjoni kien meta Dobud kien għoddu skorja l-14-il gowl tat-tim tiegħu meta skorja mill-ġenb għal dak li deher korner. Is-sessjoni ntemmet bil-plejers ta’ Marsaxlokk ikomplu jipprotestaw. Ir-referees tkellmu u kkonkludew li meta ħareġ il-ballun kien ħareġ mill-ġenb u għalhekk Dobud ma setax jiskorja minn korner. F’deċiżjoni kuraġġuża li anki ġabet xi kritika mill-klan Ġiljaniż, ir-referees reġġgħu l-arloġġ lura u l-logħba kompliet bi tmien sekondi mit-tmiem tas-sessjoni bl-iskor 13-7.

Fl-aħħar sessjoni l-Ġiljaniżi kkontrollaw il-logħba b’Marsaxlokk isibu ċ-ċans biex inaqqsu d-distakk b’gowls ta’ Vlahovic u Nagaev. Wara li Plumpton skorja għal San Ġiljan, Nagaev u Timmy Agius skorjaw lejn it-tmiem għax-Xlukkajri.

San Ġiljan: J. Tanti, B. Grech (1), A. Galea (2), N. Dobud (4), G. Molina (1), M. Zammit (1), B. Plumpton (2), K. Dowling, T. Said, Da. Zammit, P. Fava (2), Di. Zammit (4), T. Micallef, J. Portelli, Z. Micallef

Marsaxlokk: R. Coleiro, J. Rizzo Naudi, L. Calleja, M. Martellacci, T. Agius (1), J. Galea, A. Vlahovic (4), I. Nagaev (6), S. Micallef, R. Scerri, L. Saliba, K. Galea, F. Buhagiar, M. Pace

Referees: Mario Dalli, Massimo Calabro