Sport Waterpolo

It-tim nazzjonali ta’ taħt il-15-il sena jirbaħ kontra l-Montenegro

It-tim nazzjonali Malti ta’ taħt il-15-il sena f’edizzjoni oħra tad-Darko Cukic Memorial f’Belgrad is-Serbja. Iż-żgħażagħ Maltin taħt it-tmexxija ta’ Anthony Farrugia lagħbu żewġ logħbiet il-Ġimgħa u żewġ logħbiet is-Sibt fejn inkisbu riżultati pożittivi li jagħtu kuraġġ għal aktar investiment f’dawn iż-żgħażagħ. F’dan it-tournament popolari jipparteċipaw l-aqwa pajjiżi.

Fl-ewwel logħba, Malta tilfet 13-12 kontra l-qawwa tal-Kroazja. Huma kellhom bidu ħażin b’telfa ta’ 4-1 fl-ewwel sessjoni u daħlu jistrieħu 8-4 minn taħt. Ir-reazzjoni Maltija waslet biex qatgħu d-distakk u bdew l-aħħar sessjoni b’distakk ta’ żewġ gowls biss. Il-gowlkiper Kroat spikka fejn anki fil-logħba salva tliet penalties.

Fit-tieni logħba nkiseb draw ta’ 12-12 kontra l-Georgia, bit-tim Malti qatt ma jkun minn fuq fil-konfront. Sam Gialanze għamel l-iskor 1-1 lejn tmiem l-ewwel sessjoni u wara reazzjoni li biha daħlu jistrieħu 5-4 minn taħt, Gialanze ġab id-draw fil-bidu tat-tielet sessjoni qabel żewġ veloċi tal-avversarji. Iż-żgħażagħ Maltin irnexxielhom jibdew l-aħħar sessjoni 9-9, bit-tim Malti jirkupra żewġ gowls żvantaġġ għal draw meritat.

Is-Sibt it-tim ta’ Anthony Farrugia kiseb rebħa fenomenali ta’ 10-7 kontra s-saħħa ta’ nazzjon bħal Montenegro. It-tim Malti kien 5-2 minn fuq u wara rimonta tal-Montenegrini li ħadu vantaġġ ta’ 7-5, it-tim Malti wettaq reazzjoni u ħareġ rebbieħ b’distakk ta’ tliet gowls. Din ir-rebħa ssegwi dik li kienet saret sena ilu fl-istess tournament kontra l-Ungerija. Fl-aħħar logħba waranofsinhar, Malta tilfet 12-6 kontra s-Serbja li spiċċat rebbieħa tat-tournament.

COMEN Cup

Intant it-tim nazzjonali ta’ taħt is-17-il sena kompla bil-preparazzjoni tiegħu għall-Kampjonat Ewropew li se jsir ġimagħtejn oħra fi Tbilisi l-Georgia, b’żewġ logħbiet mill-COMEN Cup. Wara telfiet ta’ 19-5 kontra s-Serbja, 18-6 kontra l-Ungerija u 18-2 kontra l-Montenegro, is-Sibt it-tim Malti tilef 20-1 kontra l-Italja u 14-1 kontra Spanja. Iż-żgħażagħ Maltin taħt it-tmexxija ta’ Karl Izzo jagħlqu l-impenji b’logħba kontra s-Serbja għas-seba’ u t-tmien post.

Preżenti wkoll hemm ir-referee Malti Peter Balzan li l-Ħadd filgħodu se jikkontrolla l-logħba għat-tielet u r-raba’ post bejn il-Kroazja u l-Montenegro.