Basketball Sport

It-tim nazzjonali ta’ taħt it-18-il sena fil-finali tal-Kampjonat Ewropew Diviżjoni Ċ

It-tim nazzjonali ta’ taħt it-18-il sena jinsab fil-finali tal-Kampjonat Ewropew ta’ Diviżjoni Ċ Huma għelbu lil Georgia 53-48 fis-semifinali u l-avversarji tagħhom se jkunu l-Armenja li għelbet lill-organizzaturi l-Andorra 71-61.

In-nisa Maltin għadhom mhux megħluba f’din il-kompetizzjoni wara rebħiet kontra Monaco 67-29, il-Moldova 96-43 u l-Andorra 63-36. Michela Zammit Cordina spiċċat l-aqwa skorer tal-logħba b’19-il punt u Mikela Riolo spikkat fl-assists u d-drabi li rebħet il-ballun.

It-tim Malti beda jżid il-vantaġġ tiegħu mill-bidu tal-logħba u wara li temm l-ewwel perjodu 20-10, il-vantaġġ kiber fit-tieni nofs tat-tieni perjodu, sakemm Georgia naqqsu d-distakk b’ħames punti fl-aħħar minuta. It-tim Malti daħal jistrieħ 36-25 fil-vantaġġ.

Sa tliet minuti u nofs mit-tmiem tat-tielet perjodu, Malta kienet fil-vantaġġ 44-31 sakemm id-distakk niżel 45-37. Il-Georgjani rnexxielhom inaqqsu d-distakk għal ħames punti fl-aħħar minuta iżda t-tim ikkontrolla l-vantaġġ tiegħu.