L-Eks Kummissarju Ewropew John Dalli akkuża lill-politikant Olandiż Pieter Omtzigt li qed jirrepeti allegazzjonijiet ta’ mibegħda li qed jingħtaw lilu minn Maltin.
F’rapport dwar l-istat tad-dritt f’Malta, Omtzigt qal li qabel kien kummissarju tal-pulizija John Rizzo kien ilu jipprepara akkużi ta’ korruzzjoni kontra John Dalli. Huwa kiteb li fil-jiem wara li l-Partit Laburista rebaħ l-elezzjoni tal-2013, Dalli rritorna lura Malta, fejn il-Prim Ministru Joseph Muscat immedjatament keċċa lil John Rizzo minn kummissarju tal-Pulizija u ħatar lil John Dalli konsulent tas-saħħa pubblika.
Fir-rapport tiegħu lill-Kunsill tal-Ewropa, Omtzigt saħaq li Peter Paul Zammit, li kien ħa post John Rizzo naqas milli jieħu azzjoni kontra John Dalli. John Dalli huwa eks ministru u l-Kummissarju Ewropew li spiċċa taħt sħaba ta’ allegazzjonijiet ta’ korruzzjoni… allegazzjonijiet li dejjem ġew miċħuda.
Omtzigt ġie maħtur mill-Kunsill tal-Assemblea Parlamentari Ewropea sabiex iħejji rapport dwar l-istat tad-dritt f’Malta…. rapport li ġie ippubblikat aktar kmieni din is-sena.
Id-dikjarazzjonijiet ta’ Omtzigt ma niżlux tajjeb ma’ John Dalli, li s-Sibt akkuża lill politikant Olandiż bħala “baxx u irresponsabbli”, talli rrepeta informazzjoni ta’ mibegħda mogħtija lilu.