It-tim nazzjonali Malti evita telfa fi draw ta’ 1-1 kontra t-Turkija fl-aħħar logħba tal-EuroHockey III f’Ġibiltà. Dan ir-riżultat jista’ jitqies kontra avversarju ta’ livell aktar għoli mit-tim Malti, iżda l-ewwel punt f’dan it-tournament ma kienx biżżejjed biex Malta tevita r-relegazzjoni għar-raba’ diviżjoni.
Onur Acikgoz poġġa lit-Turkija minn fuq wara 13-il minuta iżda Keith Calleja ġab id-draw f’nofs it-tielet perjodu, biż-żewġ gowls jaslu minn penalty korner.
F’dan it-tournament, Malta kienet tinsab fi Grupp B flimkien mal-Kroazja, il-Portugall u s-Slovakkja. Wara l-logħbiet tal-gruppi, l-aħħar żewġ timijiet minn kull grupp, ingħaqdu flimkien, bl-aħħar tim ikun relegat għar-raba’ diviżjoni.
Fi tmiem il-logħba, il-kowċ nazzjonali Andre Ghio qal li minkejja r-riżultat, dan id-draw ifisser li t-tim Malti għandu futur pożittiv quddiemu u jeħtieġ li t-tim Malti jkollu aktar esperjenzi ta’ dan it-tip biex jgħolli l-livell tiegħu.
//= $special ?>