Il-ġimgħa li għaddiet, il-midja nazzjonali Amerikana kienet miżgħuda b’rapporti dwar seduta speċjali tal-House Intelligence Committee tal-Kungress Amerikan, li interroga lil Robert Mueller, Avukat tal-Istat li mexxa inkjesta u ppubblika rapport dwar l-attentat tar-Russja biex tinfluwenza l-elezzjoni presidenzjali favur Donald Trump u kontra Hillary Clinton.
Protagonista ewlieni ta’ din is-sessjoni – għalkemm mhux preżenti – kien il-Professur Malti Joseph Mifsud, li jingħad li beda din is-saga kollha meta allegatament kien informa lin-nies tal-kampanja elettorali ta’ Trump li r-Russi kellhom f’idejhom għadd kbir ta’ dokumenti – x’aktarx misruqa – li kienu jitfgħu dellijiet koroh fuq Hillary Clinton.
Minn hemm, Mifsud beda jitqies bħala ‘aġent’ tar-Russi. Iżda t-teorija li ressqu ’l quddiem id-deputati Repubblikani (ta’ Trump) kienet li effettivament Mifsud kien ‘aġent’ tal-Amerikani u kummissjonat mill-FBI. Wieħed minn dawn id-deputati, Devin Nunes, biex juri li Mifsud mhux ‘aġent’ Russu iżda wieħed b’kuntatti estensivi ma’ gvernijiet tal-Punent u l-FBI, waħħal warajh ritratt kbir li juri lil Joseph Mifsud ma’ Boris Johnson fiż-żmien li dan tal-aħħar kien il-Ministru tal-Affarijiet Barranin tar-Renju Unit.
Insomma, dan kollu rriżulta f’ċirkustanza oħra fejn isem pajjiżna – li diġà jinsab taħt attakk fil-midja internazzjonali minħabba tant diżavventuri ta’ dan il-gvern tal-Labour – xejn ma ssemma b’ġieħ, anzi pjuttost b’disprezz u b’nuqqas ta’ kredibbiltà, grazzi għal dan Mifsud.