Futbol Sport

Manchester United rebbieħa kontra Milan bil-penalties fl-International Champions Cup

(Ritratt: Lapresse)

Manchester United preparaw għall-ftuħ tal-Premier League bl-aħjar mod possibbli hekk kif rebħu bil-penalties kontra Milan biex b’hekk rebħu l-partiti ta’ ħbiberija li kellhom f’dan is-sajf. Huma madankollu ma rebħux l-International Champions Cup.

Manchester United fetħu l-iskor wara 14-il minuta meta f’kontrattakk, Nemanja Matic ta ballun fit-tul lejn Marcus Rashford li mix-xellug qata’ għan-nofs u b’xutt li kien imxellef skorja għar-rokna leminija tiegħu. Milan ġabu d-draw fis-26 minuta b’Suso jingħata l-ispazju neċessarju biex għeleb lil David de Gea b’xutt għar-rokna.

It-tim ta’ Giampaolo mar minn fuq mas-siegħa logħob bi kross mil-lemin isib lil Samu Castillejo li b’daqqa ta’ ras li kienet imxellfa minn Victor Lindelof għelbet lill-gowlkiper Spanjol. Manchester United ġabu d-draw fit-72 minuta b’passaġġ vertikali ta’ Anthony Martial lejn Jesse Lingard li avvanza fuq ix-xellug u għeleb lil Pepe Reina b’xutt djagonali fil-baxx.

Il-partita kellha tiġi deċiża bil-penalties. Iż-żewġ timijiet skorjaw l-erba’ penalties tagħhom qabel Daniel Maldini ra l-penalty ikun salvat minn De Gea, b’Daniel James jiskorja l-penalty deċiżiv.