Max Verstappen kiseb l-ewwel pole position fil-karriera tiegħu meta għamel l-aħjar ħin fil-provi uffiċjali għall-Grand Prix tal-Ungerija. Is-sewwieq ta’ 21 sena sar l-ewwel Olandiż kif ukoll il-100 sewwieq li kiseb pole position fl-istorja tal-Formula 1, f’dik li kienet l-ewwel pole position għal Honda mill-ewwel Grand Prix tal-2006. Hu għamel l-aħjar dawra f’1:14.572 li hu rekord taċ-ċirkwit.
Miegħu fl-ewwel filliera se jkun hemm il-Finlandiż ta’ Mercedes Valtteri Bottas li kien distakkat minn ma’ Verstappen 0.018 biss. Il-ħames darbiet champion tad-dinja Lewis Hamilton se jibda mit-tielet post hekk kif hu wkoll għamel ħin taħt il-minuta u 15-il sekonda iżda l-ħin ta’ 1:14.769 ma kienx biżżejjed għalih.
Iż-żewġ sewwieqa tal-Ferrari se jibdew mir-raba’ u l-ħames post, b’Charles Leclerc jagħmel ħin ta’ 1:15.043 filwaqt li Vettel dar iċ-ċirkwit f’1:15.071. Isegwu warajhom Pierre Gasly ta’ Red Bull, il-koppja ta’ McLaren Lando Norris u Carlos Sainz, Kevin Magnussen ta’ Haas u Kimi Raikkonen ta’ Alfa Romeo li komplew l-ewwel għaxra. Il-Grand Prix ta’ għada tibda fit-3.10pm/
//= $special ?>