Futbol Sport

PSG jirbħu l-ewwel unur tal-istaġun għas-seba’ sena konsekuttiva

(Ritratt: PSG)

Paris Saint-Germain dawru telfa f’rebħa biex għelbu lil Rennes 2-1 u kisbu s-Super Cup Franċiża magħrufa bħala Trophee des Champions fiċ-Ċina. Il-logħba ntlagħbet fix-Schenzhen Universiade Sports Centre u din ir-rebħa fissret li PSG rebħu dan it-trofew għall-aħħar seba’ snin konsekuttivi biex b’hekk kisru r-rekord ta’ Olympique Lyon li kienu rebħu l-unur bejn l-2002 u l-2007.

Ir-rebbieħa tat-Tazza Franċiża ħadu vantaġġ bikri meta minn kross ta’ Benjamin Bourigeaud, Adrien Hunou u mill-viċin għeleb lil Alphonse Areola. Iżda PSG li kienu mingħajr is-sospiż Neymar, ġabu d-draw 12-il minuta fit-tieni taqsima b’gowl ta’ Kylian Mbappe li skorja f’lasta vojta wara li rċieva mingħand Pablo Sarabia.

Il-gowl tar-rebħa wasal fit-73 minuta bi free-kick spettakolari ta’ Angel di Maria. L-Arġentin kien ilu biss jilgħab għal 12-il minuta wara li daħal flok Ander Herrera, bl-Ispanjol jagħmel id-debutt uffiċjali wara li ngħaqad magħhom mingħand Manchester United.