Lokali

Solidarjetà mal-attivisti żgħażagħ li ġew aggrediti f’Santa Luċija fejn il-Gvern se jeqred mal-500 siġra u jogging track – PN

Il-Partit Nazzjonalista jesprimi s-solidarjetà tiegħu mal-attivisti żgħażagħ li ġew aggrediti u insulentati dalgħodu f’Santa Luċija, permezz ta’ stqarrija mill-Kelliem tal-Oppożizzjoni dwar l-ambjent, l-affarijiet marittimi u l-green initiatives Jason Azzoppardi.

Il-mezzi socjali użati minn persuni viċin il-Partit Laburista jaħtu għal din l-intolerranza li qed tgħolli rasha u jeħtieg li l-Prim Ministru jassumi r-responsabbiltà għal din il-mibegħda li qed tinxtered kontra dawn iż-żgħażagħ, li kulma jridu hu li jsemmgħu leħinhom kontra l-qerda insensata ta’ mijiet ta’ sigar li setgħet ġiet evitata.

Fl-istess waqt, il-PN ma jistax ma jikkundannax il-qerq tal-Gvern li fil-21 ta’ Mejju 2017, xahar qabel l-elezzjoni ġenerali, inawgura b’ħafna pompa jogging track u open air gym ġodda f’Santa Luċija li swew €90,000  biex imbagħad hames xhur wara fit-2 ta’ Ottubru 2017 l-Gvern issottometta applikazzjoni (PA 09084/17) biex jibni l-underpass f’Tal-Barrani u jeqred l-istess jogging track u open air gym li kien għadu kemm jiftaħar bihom flimkien mal-qerda ta’ kwazi 500 siġra f’Santa Luċija u l-madwar.

Kieku l-Gvern sema’ tassew lir-residenti ta’ Santa Lucija, Ħal Tarxien u Raħal Ġdid, il-Kunsilli Lokali rispettivi u l-Oppożizzjoni kienu jgħidulu li din il-qerda setgħet tiġi evitata mingħajr ma jkun kompromess il-proġett tal-underpass.

Il-qerq tal-Gvern ikompli jidher meta l-pubbliku għandu jkun jaf li l-istess Gvern fl-aħħar tliet snin ftaħar li għadd ta’ siġar li kienu tneħħew minn bnadi oħra f’Malta kienu tħawwlu proprju fl-istess post f’Santa Lucija fejn issa nqatlu u tqaċċtu.

Il-Partit Nazzjonalista jrid żvilupp sostenibbli. Dan il-Gvern irid jgħatti x-xemx bl-għarbiel bl-arroganza tiegħu li lkoll kemm ahna se nħallsu prezz qares għaliha.