Xogħlijiet li ilhom li bdew minn Jannar, fi Triq Borġ Olivier fir-Rabat, twaqqfu għal kollox biex inbdew xogħolijiet f’toroq oħra, b’din it-Triq ssir waħda perikoluża għal dawk li jgħaddu minnha .
Fejn qabel wieħed kellu l-aċċess li juża din it-triq bħala two way’, issa ngħalqet minn naħa minnhom permezz ta’ barikati, iżda diversi sewwieqa xorta qed jispiċċaw jgħaddu minnha minħabba nuqqas ta’ sinjali u gwidi.
Persuni li tkellmu ma’ NET NEWS, stqarrew id-diżappunt tagġhom minħabba li waqt li kienu qed isiru xogħolijiet f’din it-Triq, il-ħaddiema ma kinux jiġu jaħdmu ta’ spiss, u probabilment huwa għalhekk li x-xogħol waqa’ lura.
Waqt li wieħed ikun għaddej minn din it-Triq ma jistax ma jinnutax ukoll in-nuqqas ta’ aċċessibilta anke fuq il-bankini… bankini li bdew ix-xogħolijiet fuqhom u li bħalissa jinsabu mgħottija b’injama jew b’sempliċiment barikati tal-plastik.Wara diversi ġranet ma jsir l-ebda xogħol f’din it-Triq, jidher li ftit jiem qabel l-Imnarja, it-triq ingħatat kisja tarmak, sabiex jitnaqqas ftit mit-tgergir ta’ dawk li kienu se jgħaddu minnha sabiex imorru jiċċelebbraw il-Festa tal-Imnarja fil-Buskett. Xogħol, li jidher li sar bl-għaġġla minħabba id-diżlivell li wieħed isib f’din l-istess Triq.
//= $special ?>