Lokali

Żiedu l-prezz tal-fjuwil… imma Gvern li jisma’

Waqt li l-Gvern Laburista għadu sieket jiem wara ż-żieda fil-prezz tal-fjuwil, il-Ministru Owen Bonnici ddikjara li l-Gvern Laburista hu Gvern li jisma’.

Hu għamel din id-dikjarazzjoni meta kien mistoqsi minn Net News dwar jekk jaqbilx mat-talbiet li qed isiru biex ikun hemm kumpens finanzjarju wara dawn iż-żidiet.

Iż-żieda kienet ta’ 5ċ fuq kull litru petrol u diesel, 5ċ li issa jfissru li litru petrol sar jiswa €1.41. 5ċ li jfissru wkoll ftit anqas minn 25ċ għal kull gallun ta’ fuel.

Owen Bonnici ma rrispondiex lanqas jekk hux se jitlaqqa’ l-kabinett biex jiddiskuti speċifikament din iż-żieda fi prodott essenzjali għall-ħajja ta’ kuljum.

Qabel l-2013, il-GWU kienet tingħaqad mal-Partit Laburista fl-Oppożizzjoni fl-organizzazzjoni ta’ għadd ta’ dimostrazzjonijiet fit-toroq tal-Belt għax dak iż-żmien il-prezz tal-petrol kien €1.43 kull litru meta l-prezz internazzjonali taż-żejt kien ferm ogħla minn dak ta’ llum.

Illum, il-prezz internazzjonali taż-żejt hu n-nofs ta’ li kien dakinhar … minn $111 dakinhar, issa hu $57 kull barmil. Iżda l-Gvern ta’ Muscat xorta għażel li jgħolli l-prezz ta’ litru petrol għal €1.41.

Fl-aħħar sigħat anke Caritas Malta ddikjarat ma’ Net News li hi mħassba li l-għoli tal-ħajja qed jolqot b’mod maġġuri lil persuni bi dħul baxx fl-iktar affarijiet essenzjali.

Dan wara li fl-aħħar xhur kienu diversi l-prodotti essenzjali li għolew fil-prezz tagħhom, fosthom il-fjuwil u l-prezz tal-posta, imma wkoll prodotti tal-ikel bħall-pastizzi, il-ħalib, il-ġobon u prodotti oħra magħmula mill-ħalib, kif ukoll il-ħobż.

Tmien snin ilu, mill-Oppożizzjoni, Muscat kien qal li se jkun minn tal-ewwel biex jaqsam il-piż mal-poplu…

Iżda fi kliem Owen Bonnici, waqt li l-prim Minsitru ma lissinx kelma dwar dan, jididkjara li dan hu Gvern li jisma’.