Internazzjonali

AĠĠORNATA: Żewġ attakki mdemmija fi ftit sigħat fl-Istati Uniti

Żagħżugħ Amerikan ta’ 21 sena, Patrick Crusius, jinsab arrestat mill-Pulizija f’Texas wara li ħalla 20 persuna mejta u 26 oħra feruti fi sparatura fis-supermarket Walmart.

Skont il-Pulizija, dak il-ħin tal-attakk kien hemm madwar 3,000 persuna fost l-oħrajn għal xiri ta’ prodotti relatati mar-ritorn tat-tfal fl-iskejjel. U aktar tard, il-Pulizija arrestat lil Crusius qrib l-istabbiliment.

Hu allegat li fil-passat, iż-żagħżugħ kiteb manifest politiku kontra l-immigrazzjoni, li għadu qed jiġi investigat mill-awtoritajiet lokali minħabba l-possibbiltà qawwija ta’ messaġġi ta’ mibgħeda.

Sadanittant, f’każ separat din id-darba f’Dayton f’Ohio, qattiel miet fil-post wara sparatura mal-Pulizija, iżda mhux qabel ma laħaq qatel disgħa u weġġa’ 16 oħra.

Il-każ seħħ barra bar, sigħat biss wara l-isparatura ta’ Texas. S’issa l-Pulizija għad m’għandhiex informazzjoni dwar il-qattiel jew il-mottiv wara dan l-attakk. L-ewwel indikazzjonijiet qed juru li l-aggressur aġixxa waħdu u għalhekk, wara l-qtil tiegħu, ma kienx għad hemm periklu fl-inħawi.

Fuq Twitter, il-Kap tal-Partit Nazzjonalista Adrian Delia esprima solidarjetà mal-vittmi u l-qraba tagħhom f’dawn iż-żewġ attakki mdemmija.