Formula 1 Sport

Hamilton lura għar-rebħ u jżid il-vantaġġ

Lewis Hamilton irritorna għar-rebħ wara d-diżżappunt fil-Grand Prix tal-Ġermanja biex kiseb is-seba’ rebħa fil-karriera tiegħu fl-Ungerija fiċ-ċirkwit ta’ Hungaroring.

Din kienet it-tmien rebħa tal-istaġun għal Hamilton li reġa’ wera l-kapaċità tiegħu f’mumenti deċiżivi. Kienet ukoll il-81 rebħa fil-karriera tiegħu.
L-istrateġija minn naħa tal-Mercedes ħadmet b’mod perfett fejn Hamilton għamel ‘pit stop’ żejda biex bidel it-’tyres; u minn hemm il-quddiem huwa sar aktar veloċi.

Dan il-fattur fisser li Hamilton naqqas defiċit ta’ 20 sekonda f’20 dawra, xi ħaġa inkredibbli. Max Verstappen ta’ Red Bull li rebaħ ġimgħa ilu fiċ-ċirkwit ta’ Hockenheim deher riesaq lejn rebħa oħra iżda b’żewġ dawriet għat-tmiem iċ-Champion tad-dinja Hamilton irnexxielu jissupera lil Verstappen u jikseb rebħa drammatika.

Meta kien għad jonqos erba’ ‘laps’ Hamilton kien 3.1 sekondi wara Verstappen. L-Ingliż deher jattakka lil Verstappen u meta kien għad baqa’ żewġ ‘laps’ irnexxielu jaqbżu fi strateġija mill-aqwa minn naħa tal-Mercedes.

L-istess Verstappen ammetta li l-istrateġija tar-Red Bull ma kinitx waħda tajba. “Ma nistax nispiċċa tellieqa bħal din,” instema jgħid Verstappen fuq ir-radju. Verstappen kellu problemi fit-’tyers’ u ħames dawriet mit-tmiem huwa nforma lit-tim li l-affarijiet ma kienu sejrin tajjeb.

Kien hawn li l-karozza tiegħu bdiet tnaqqas mill-veloċità, b’Hamilton japprofitta. It-tellieqa kienet waħda eċċittanti sal-aħħar fejn Sebastian Vettel daħal fit-tielet post meta lejn l-aħħar qabeż ukoll lil Leclerc.
Sainz spiċċa fil-ħames post u Gasly daħal fis-sitt post. Għal Verstappen li wera l-kwalitajiet tiegħu ġimgħa ilu kienet ġurnata ta’ diżappunt anke jekk spiċċa t-tieni.

Is-sewwieq Olandiż telaq mill-’Pole Position’ u niżżel ismu fil-ktieb tar-rekords bħala l-100 sewwieq differenti fl-istorja tal-Grand Prix li akkwista ‘Pole Position’. Minn naħa tiegħu Lewis Hamilton telaq mit-tielet post.

Hamilton issa jinsab 62 punt fuq Bottas f’dan il-kampjonat meta baqa’ disa’ tlielaq għal tmiem u 234 punt x’jintrebħu u minkejja li kollo jista’ jiġri Hamilton huwa favoiri nett li jżomm il-kampjonat.

Leclerc qatta ħafna ħin fit-tielet post b’Veetel dejjem isegwi u bħal ma għamel Hamilton irnexxielu jissuparah fl-aħħar. Carlos Sainz għal darba oħra kellu wirja mill-aqwa biex spiċċa b’mod impressjonati l-ħames. Il-Grand Prix li jmiss se ssir fl-1 ta’ Settembru li ġej f’dik li tissejjaħ il-Johnie Walker GP tal-Belġju.