Lokali

Ħerba minn eluf ta’ siġar … protetti u mhumiex

Fl-aħħar snin il-Gvern wera biċ-ċar li jiġi jaqa’ u jqum mill-ħarsien tal-ambjent u elimina jew żabar b’mod kattiv eluf ta’ siġar li ħafna minnhom huma ta’ natura protetta.

Bl-iskuża tal-iżvilupp, il-Gvern ma semax il-leħen ta’ dawk kollha li japprezzaw l-ambjent u saħansitra anki llum qed jissokta bil-politika tiegħu li jaqla’ siġar b’għexieren ta’ snin fuqhom, filwaqt li oħrajn qed jitqaċċtu mill-parti ta’ isfel tagħhom.

Dan kollu qed ikun deskritt bħala sfreġju ambjentali u attakk dirett fuq il-patrimonju ambjentali ta’ pajjiżna fejn il-Gvern, flok ma joqgħod attent biex jikkonserva s-siġar li għandna f’pajjiżna u li bosta minnhom għandhom storja twila ħafna, qed juri li għalih l-iżvilupp jiġi l-ewwel u allura l-prezz għal dan hu t-tqaċċit bla ħsieb u bl-aktar mod irresponsabbli ta’ eluf ta’ siġar. Fl-aħħar sena tqaċċtu, inqalgħu u nżabru bl-aktar mod kiefer ‘il fuq minn elf siġra.

Ambjentalisti li tkellmu ma’ il-mument, fissrulna li l-karba tagħhom kienet kostanti fl-aħħar snin biex l-awtoritajiet jagħrfu jittrattaw is-siġar b’mod responsabbli għaliex għal pajjiż ċkejken bħal tagħna, dawn is-siġar għandhom importanza kbira.

“Madankollu l-karba tagħna jirriżulta li dejjem qed taqa’ fuq widnejn torox għaliex il-Gvern baqa’ jirrombla u jqaċċat is-siġar mingħajr ebda skrupli. U dan japplika prattikament għal kull lokalità f’Malta fejn minħabba żviluppi infrastrutturali li qed jagħmel fil-pajjiż, fosthom żviluppi marbuta ma’ bini ta’ toroq u anki bini ta’ infrastrutturi kbar… qed jispiċċaw fil-mira siġar maturi u antiki,” qalulna dawk li tkellmu ma’ il-mument.  

Huma komplew li kollox jindika li l-Gvern ma għandu ebda intenzjoni li jisma’ l-vuċi tal-ambjentalisti u ta’ dawk kollha li jitkellmu favur il-ħarsien u l-konservazzjoni tas-siġar f’pajjiżna. “Dan qiegħed ikompli jurih sa dawn il-jiem stess – ara x’ġara f’Santa Luċija – meta qed ikompli jqaċċat is-siġar bla ebda skruplu ta’ xejn.”

Is-sorsi ta’ il-mument komplew li l-Gvern kemm-il darba pprova jagħlqilhom ħalqhom billi jgħid li se jippubblika l-politika tiegħu fir-rigward tal-ħarsien u l-protezzjoni tas-siġar, iżda fil-verità ma jsir xejn b’mod konkret u vittma tan-nuqqas ta’ ppjanar kienu siġar antiki tal-ballut (fil-Belt Valletta), tal-ħarrub (f’Ħal Lija),  u siġar tal-frott bħal dik tat-tut (fir-Rabat, Għawdex) li spiċċaw inqalgħu mill-post oriġinali tagħhom bil-konsegwenzi kollha li dan iġib miegħu.

Huma fakkru li minkejja li l-Gvern, meta jiġi dahru mal-ħajt, jgħid li ħafna mis-siġar li jinqalgħu, jitħawlu f’postijiet oħra, esperti fis-suġġett huma tal-fehma li r-rilokazzjoni tas-siġar mill-postijiet oriġinali tagħhom ma tantx iwassal għal riżultati pożittivi u probabbilment dawn – grazzi għall-kedda li jkunu ħadu – imorru lura u jmutu.

L-ambjentalisti li tkellmu ma’ il-mument, fissrulna wkoll li għalkemm hemm aktar minn ħamsin speċi ta’ siġar li huma protetti f’pajjiżna u li mhux suppost ikunu mċaqilqa, kollox jindika li din il-politika ta’ ħarsien u konservazzjoni ta’ siġar mhix tkun osservata… u l-ħasra dwar dan kollu hi li ħafna minn dawn is-siġar ikollhom għexieren ta’ snin fuqhom.

Bla dubju ta’ xejn, il-Gvern, moħbi wara l-Awtorità għar-Riżorsi u l-Ambjent (l-ERA), falla bl-ikrah f’dan is-settur tant importanti u dan hu rifless ukoll fl-argumenti li l-Gvern qiegħed iġib fir-rigward tal-iżvilupp tal-proġett tas-Central Link li se jgħaddi mill-qalba ta’ Ħ’Attard u miegħu se jkaxkar u jaqla’ aktar minn 500 siġra.

Fost dawk li qed isemmgħu regolarment leħinhom kontra l-politka tal-Gvern li ma tħarisx bis-serjetà l-ambjent u s-siġar  – protetti u mhumiex  –  f’pajjiżna, hemm Astrid Vella li spiss tikteb fuq il-media soċjali u tħeġġeġ għal azzjonijiet favur il-ħarsien tas-siġar f’pajjiżna.

“The debate is heating up on a national scale, and now is the time for Save Malta’s Trees members to make a change for the better.

“We cannot stand by and watch our precious trees being destroyed – do something tangible to stop this destruction – join the FAA Tree Group at http://faa.org.mt/join/. Even if you can’t spare the time to commit to anything regular, just joining shows your support and is a valid contribution to helping us fight this battle,” tinsisti Astrid Vella.

Ma’ Astrid Vella favur il-ħarsien tas-siġar fil-gżejjer Maltin, hemm għadd kbir oħra ta’ nies li wkoll jikkummentaw fuq il-media soċjali u juru t-tħassib kbir tagħhom.