Sport Sport Ieħor

Illum tintemm l-ewwel parti tal-istaġun tat-tiġrijiet taż-żwiemel

Illum jintemm il-kampjonat tas-sajf b’seba’ finali li jagħlqu l-ewwel parti tal-istaġun. Dan il-kampjonat hu differenti mill-oħrajn li jsiru tul is-sena minħabba li ż-żwiemel għandhom iċ-ċans li jiġru tliet darbiet b’distanzi bejn l-2140 metru u l-2640 metru.

Huma jakkwistaw punti skont il-pożizzjoni li jispiċċaw fiha f’kull tiġrija u l-ewwel tnax f’kull kategorija li jiksbu l-aktar punti, jakkwistaw id-dritt li jipparteċipaw fil-finali. Għal sena oħra, iż-żwiemel se jiġru d-distanza twila ta’ 2640 metru.

L-ewwel finali tibda fis-7.00pm u l-finali tal-Klassi Premier tkun is-sitt waħda tal-programm. Il-premijiet se jkunu sponsorjati mill-konsorzju Marsa Race Track Limited li se jieħu f’idejh l-iżviluppar u l-immaniġjar tal-korsa b’ċens għal 65 sena u b’investiment ta’ €28 miljun.

Il-premijiet lil dawk li se jispiċċaw fl-ewwel erba’ pożizzjonijiet f’kull finali huma l-istess bħas-sena l-oħra u għandhom l-ammont totali ta’ aktar minn €10,000. It-trofej tal-finali se jitqassmu minn Philip Mossman u Johann Farrugia li huma r-rappreżentanti tal-konsorzju MRTL.

Se jkun hemm ukoll żewġ tiġrijiet għall-ponijiet żgħar bit-trott misjuqa mit-tfal li jattendu l-akkademja tat-tiġrijiet. It-tfal kollha li attendew, se jingħataw ċertifikat ta’ attendenza li se jkun ippreżentat lilhom miċ-chairman tal-Malta Racing Club Edwin Borg.