Il-Libjan ta’ 26 sena Adnan Saed ammetta fil-Qorti li kien hu li seraq kważi €49,000 fiflus kontanti mill-istabbiliment Burgers Inc, mis-Suq tal-Belt.
Dan apparti li ddikjara li parti mill-flus li seraq, bagħthom mill-ewwel lejn pajjiżu, avolja l-Pulizija arrestatu biss ftit tal-ħin wara. Filfatt, mill-flus misruqa, instabu biss €11,000.
Saed, li kkopera mal-Pulizija, instab ħati u ngħata sentenza 18-il xahar ħabs għal din is-serqa. Ma’ dawn saru effettivi wkoll sitt xhur oħra li kienu ngħatawlu iżda ġew sospiżi f’sentenza preċedenti, fejn instab ħati li għamel xi ħsara u kisser xi affarijiet fid-Dipartiment tal-Emerġenza.
Fil-Qorti tressqu wkoll żewġ żgħażagħ, Roxanne Grech ta’ 29 sena mill-Imsida, u Ryan Azzopardi ta’ għoxrin sena minn Bormla.
Iż-żewġ żgħażagħ, impjegati tal-istess stabbiliment, huma akkużati li għaddew l-informazzjoni lil-Libjan biex seta’ jwettaq is-serqa li saret nhar it-Tnejn. Magħhom kien involut ukoll xufier ta’ taxi, li tressaq nhar l-Erbgħa li għadda akkużat b’kompliċità.
Iż-żewġ żgħażagħ, li s’issa ma rriżultax li ħadu xi flus minn dawk misruqa, wieġbu li huma ħatja u ngħataw sentenza ta’ sentejn ħabs, sospiża għal erba’ snin.
Huma wkoll ikkoperaw mal-Pulizija u kienu ordnati biex ma javviċinawx lil sid l-istabbiliment li keċċihom mill-impjieg tagħhom.
//= $special ?>