Lokali

Indjan fil-periklu li jitlef ħajtu wara li waqa’ għal fuq il-blat

Indjan ta’ 33 sena residenti San Pawl il-Baħar jinsab fil-periklu li jitlef ħajtu wara li għal xi raġuni waqa’ fuq il-blat fi Triq it-Trunċiera, f’Buġibba.

Għall-ħabta tas-1.15am il-Pulizija kienu nfurmati b’dak li seħħ u mal-wasla fil-post, huma sabu tim mediku li kien qed jassisti lir-raġel. Min-naħa tagħhom, huma qed jinvestigaw x’seta’ wassal biex l-Indjan spiċċa fuq il-blat.

Fil-post waslu wkoll membri mid-Dipartiment tal-Protezzjoni Ċivili, li għenu biex il-barrani seta’ jittella’. Wara, hu ttieħed l-Isptar Mater Dei għall-kura.

Hemm, hu kien iċċertifikat li jinsab fil-periklu li jitlef ħajtu.

Bil-każ ġiet infurmata l-Maġistrat tal-għassa Doreen Clarke, li ħatret diversi esperti biex jassistuha fl-Inkjesta.

Aktar investigazzjonijiet tal-Pulizija għadhom għaddejjin.