Lokali

Joseph Muscat jammetti li ż-żieda fil-petrol u d-diesel hi tort il-Gvern tiegħu

Fl-2011, Muscat kien qal li se jkun minn tal-ewwel li jaqsam il-piż mal-poplu kollu ladarba jingħata l-fiduċja

Minkejja li fl-2011 il-Mexxej Laburista Joseph Muscat kien wiegħed li jekk jingħata l-fiduċja se jibda’ jqassam lill-poplu issa qed iġib l-iskużi u jwaħħal fil-ftehim li għamel il-Gvern Laburista stess u li wassal biex kellna żieda fil-prezz tal-fjuwil.

“Iva l-ħmerija tkun… li l-prezz tal-fjuwil tkun xtrajtu qabel ma’ tkun ħabbart dawk iż-żidiet”

Dan tennieh Joseph Muscat innifsu fuq One Radio meta l-Ħadd kien qed jiġi intervistat.

Tmien snin ilu, il-Partit Laburista fliemkien mal-GWU kienu organizzaw demostrazzjoni biex jipprotestaw kontra ż-żieda fil-prezzijiet tal-fjuwil meta l-prezz internazzjonali kien ferm ogħla mil-lum.

Filfatt illum, il-prezz internazzjonali taż-żejt hu n-nofs ta’ li kien dakinhar … minn $111 dakinhar, issa hu $57 kull barmil. Iżda l-Gvern ta’ Muscat xorta għażel li jgħolli l-prezz ta’ litru petrol għal €1.41.

Fl-2011, Muscat kien qal li se jkun minn tal-ewwel li jaqsam il-piż mal-poplu kollu ladarba jingħata l-fiduċja. Iżda wara li ħa l-voti li kellu bżonn, illum id-diska nbidlet mhux ħażin. C

Id-dikjarazzjoni fuq One Radio minn Joseph Muscat ħarġet biss jum wara li Owen Bonnici qal li l-Gvern qed jisma’ l-karba tal-poplu Malti u Għawdxi.

Iż-żieda fil-prezz tal-fjuwils hija ta’ 5ċ fuq kull litru petrol u diesel, 5ċ li issa jfissru li litru petrol sar jiswa €1.41. 5ċ li jfissru wkoll ftit anqas minn 25ċ għal kull gallun ta’ fuel.     

Tajjeb li ngħidu li ż-żieda fil-petrol u d-diesel waslet f’perjodu sensittiv għall-ekonomija Maltija u li kif fisser il-Ministru tal-Finanzi innifsu, qed nistennew ‘slowdown’ ekonomiku.

Barra minhekk, iż-żieda fil-fuels hi għafsa oħra fuq il-ħaddiema u l-familji wara li fl-aħħar xhur kienu diversi l-prodotti essenzjali li għolew fil-prezz tagħhom, fosthom il-fjuwil u l-prezz tal-posta, imma wkoll prodotti tal-ikel bħall-pastizzi, il-ħalib, il-ġobon u prodotti oħra magħmula mill-ħalib, kif ukoll il-ħobż.

Fl-aħħar jiem Caritas Malta ddikjarat ma’ Net News li hi mħassba li l-għoli tal-ħajja qed jolqot b’mod maġġuri lil persuni bi dħul baxx fl-iktar affarijiet essenzjali