Minn nofs ix-xahar ta’ Lulju 2019, isem Karl Stagno Navarra, il-preżentatur tal-istazzjon Laburista ‘One’, tniżżel fuq il-kotba tal-linja nazzjonali tal-ajru l-Air Malta bħala impjegat ġdid fil-kamp tal-marketing.
Il-pakkett mogħti lil Karl Stagno Navarra hu ta’ għexieren ta’ eluf ta’ ewro. Dan se jkun ifisser għajnuna konsiderevoli biex joħroġ mill-problemi kbar li għandu ta’ djun minħabba li hu sigriet magħruf li Karl Stagno Navarra għandu jiġru warajh diversi persuni li għandhom jieħdu flejjes konsiderevoli mingħandu.
Sa mill-aħħar ta’ Frar li għadda l-qasba kienet ilha ċċaqċaq li Karl Stagno Navarra kien se jingħata impjieg favoluż fl-Air Malta, iżda f’Marzu li għadda l-Air Malta kienet ċaħdet li kienet se timpjega lill-preżentatur tal-istazzjon Laburista u kienet ippruvat tbella’ r-ross bil-labra li kien qed isir proċess ta’ għażla.
Nifhmu li l-kariga li ngħatat lil Karl Stagno Navarra hi dik ta’ Kap tar-Relazzjonijiet Pubbliċi u Corporate Social Responsibility… fejn sfaċċatament ħaddiema tal-kumpanija, minkejja s-snin twal ta’ esperjenza li għandhom, ġew imwarrba għaliex sa mill-bidu nett l-għażla kienet iffukata fuq Karl Stagno Navarra.
Karl Stagno Navarra kien sejjaħ l-antiċipazzjoni li se jkun impjegat mill-Air Malta bħala “fake news” u nnega kull konnessjoni f’dan is-sens.
Madankollu sorsi li b’kunfidenzjalità tkellmu ma’ il-mument qalulna li “iżda kull min jaf lill-preżentatur tal-istazzjon Laburista jaf tajjeb kif kliemu għandu jitnaqqas bi tliet kwarti, u li qatt ma jittieħed bis-serjetà… u min ħa kliem Karl Stagno Navarra bis-serjetà spiċċa biex ingidem.”
Karl Stagno Navarra, eksimpjegat mal-media tal-Partit Nazzjonalista, issa ilu għal dawn l-aħħar snin jimmilita fil-Partit Laburista fejn jinqdew bih għall-istazzjon ‘One’ iżda ma hu fdat xejn tant li anki xewqtu li jkun fost il-kandidati għall-elezzjoni tal-Parlament Ewropew ta’ Mejju li għadda ma kenitx kalkulata.
Madankollu, taħt il-Gvern Laburista hu mar u sejjer tajjeb għaliex dejjem ingħata postijiet vantaġġjużi. Mhux magħruf jekk ta’ dan hux marbut li jippreżenta fuq il-‘One’mingħajr ħlas u min qed jagħmel tajjeb għall-ħlasijiet fil-‘One’.
Li hu fiċ-ċert hu li fl-aħħar snin kien jokkupa diversi karigi, fosthom fil-Malta Enterprise u fi Transport Malta fejn ukoll kien jitħallas eluf ta’ ewro għal hekk imsejħa rwoli ta’ konsulent jew ko-ordinatur fil-media.
Filwaqt li Kastilja ma tafda xejn lil Stagno Navarro, tipprova tisfrutta l-kwalitajiet pożittivi tiegħu fil-media għalkemm f’bosta okkażjonijiet fuq il-‘One’ jilgħabha ta’ populist.
Iżda hu spiss ikun aġevolat minn Kastilja tant li anki f’Novembru li għadda ngħata direct order ta’ €21,600 mill-Uffiċċju tal-Prim Ministru biex jagħmel suppost xogħol relatat ma’ komunikazzjoni u riċerka! Ministri oħrajn fil-Kabinett warrbuh minn ma’ saqajhom għaliex jifhmu li hu ta’ piż u perikoluż.
Kien għalhekk li Karl Stagno Navarra spiċċa telaq mill-Malta Enterprise u anki minn Transport Malta. Hu stat ta’ fatt li hemm numru ta’ persuni li għadhom sal-ġurnata tal-lum jiġru għal flushom meħuda b’ingann minn Karl Stagno Navarra. Il-gazzetta il-mument kemm-il darba ppubblikat rapporti fir-rigward ta’ Karl Stagno Navarra versu ħruġ ta’ ċekkijiet foloz mill-istess Karl Stagno Navarra fejn imbagħad min jirċievi tali ċekkijiet jinduna li dawn ma jissarrfux hekk kif imorru f’xi bank u tali ċekkijiet ma jissarrfux għaliex flus ma jkunx hemm!
Fl-aħħar xhur Karl Stagno Navarra kien imfittex minn numru ta’ persuni privati għal flushom wara li dan ingannahom. Hemm ukoll l-istejjer fil-Qorti dwar sekwestri li baqgħu jakkumulaw.
Dawn l-istejjer uffiċjali fil-Qorti jiżdiedu ma’ bosta oħrajn minn terzi persuni li għadhom jiġru wara flushom mingħand l-istess Karl Stagno Navarra, fosthom kumpaniji privati, entitajiet pubbliċi, persuni jew entitajiet privati, fosthom il-kumpanija tal-Gwardjani LESA għal ċitazzjonijiet fuq żewġ karozzi reġistrati f’isem Karl Stagno Navarra, b’waħda mill-karozzi għamlet ġimgħat sħaħ ‘abbandunata’ taħt siġra fl-inħawi tal-Mistra Village biċ-ċitazzjonijiet jakkumulaw mal-windscreen.
Fil-lista hemm ukoll kuntratturi fil-qasam tal-kostruzzjoni li tawh il-flus u li ngidmu, kumpaniji tal-ġojjelli u deheb, ħwienet tal-ħwejjeġ sptar privat, żewġ kumpaniji tat-telekomunikazzjoni, kumpanija ewlenija tad-distribuzzjoni, fotografu u saħansitra kumpanija li tikri l-proprjetà fejn wara li żgumbratu minn appartament bdiet passi legali biex tiġbor f’għexieren ta’ eluf ta’ ewro f’kirjiet mhux imħallsa.
//= $special ?>