Internazzjonali

L-Iran: It-tensjoni tiżdied wara l-ħtif ta’ tanker ieħor fil-Golf

Rapporti mill-istampa f’Tehran qalu li l-qawwiet navali tal-Gwardja Rivoluzzjonarja tal-Iran kienu ħatfu tanker ieħor fir-reġjun tal-Golf.

L-inċident, sadanittant, mistenni jixpruna t-tensjoni diġà akuta bejn ir-reġim Iranjan Iżlamiku u l-potenzi tal-Punent, b’mod partikulari l-Istati Uniti u r-Renju Unit.

Intant, ir-rapporti sostnew ukoll li t-tanker li spiċċa f’idejn il-qawwiet Iranjani ‘kien qed iwassal kunsinni ta’ fuel illegali’ lil xi pajjiżi Għarab.

Ingħad li dan it-tanker kien qed iġorr mas-700,000 litru fuel u li talanqas seba’ baħrin ta’ fuqu ( li n-nazzjonalità tagħhom ma kenitx magħrufa) spiċċaw miżmuma taħt arrest. Jidher ukoll li l-ħtif, fil-fatt, kien seħħ ftit tal-jiem ilu, bit-tanker, imbagħad, jittieħed lejn Bushehr u bil-kunsinna tiegħu tispiċċa f’idejn l-awtoritajiet Iranjani.

Intant, baqgħu ma ngħatawx dettalji tar-reġistrazzjoni tat-tanker inkwistjoni fost it-tħassib dwar is-sitwazzjoni delikata u perikoluża fir-reġjun tal-Golf li ilha mindu l-Istati Uniti ssikkat is-sanzjonijiet għas-settur taż-żejt tal-Iran. Is-sanzjonijiet reġgħu kienu imposti fuq l-Iran wara li l-Amerikani rtiraw, b’mod unilaterali, mill-ftehim nukleari storiku tal-2015 li Tehran kien ikkonkluda mal-potenzi tad-dinja.

Din hi t-tieni darba li l-Iran ħareġ b’akkużi dwar ‘tanker li kien qed jitraffika l-fuel’.

Fl-inċident preċedenti, fit-13 ta’ Lulju li għadda, il-gwardjani tal-kosta Iranjani kienu żammew it-tanker ‘MT Riah’ li hu reġistrat il-Panama. Is-sit tal-aħbarijiet tal-Gwardja Rivoluzzjonarja kien qal, dak iż-żmien, li t-tanker inħataf waqt sensiela ta’ patrols navali ‘intiżi biex jikkonfrontaw it-traffikar tal-fuel organizzat’.

Ix-xahar li għadda, il-qawwiet Iranjani kienu anki ħatfu lit-tanker ‘Stena Impero’ – li hu rreġistrat fir-Renju Unit – fil-Baħar ta’ Hormuz u fejn qalu li l-bastiment inkwistjoni kien ħabat ma’ dgħajsa tas-sajd.

Fl-istess ħin, l-Istati Uniti qed takkuża lill-Iran dwar żewġ attakki separati li fihom intużaw l-isplussivi u fejn kienu ġarrbu l-ħsarat numru ta’ tankers taż-żejt fil-Golf tal-Oman.

L-attakki seħħew fix-xhur ta’ Mejju u Ġunju, bir-reġim ta’ Tehran qed ikompli  jiċħad dwar allegat sehem fl-inċidenti.