Lokali

“Lill-istudenti nippreżentawlhom lingwa Maltija ħajja u dinamika” – is-Segretarju tal-Akkademja tal-Malti

“Ilsienna se jibqa’ jiġġedded u jinbidel mal-bidliet u l-kisbiet ġodda li jagħmel il-poplu li jitkellmu. L-isfida tagħna hi li lill-istudenti tagħna jeħtieġ nippreżentawlhom il-lingwa tagħna bħala ħaġa ħajja u dinamika.

“Ħtieġa oħra importanti hi li għandu jkun hemm dizzjunarju Malti tajjeb u aġġornat online. Neħtieġu għodod maħsuba għall-pedagoġija, ngħidu aħna grammatika aġġornata, moderna – grammatika li lill-istudent flok tinbuttah, tqanqlu bil-kurżità. Minkejja l-għodod komdi pprovduti mill-Kunsill Nazzjonali tal-Malti, fejn tidħol l-informazzjoni teknoloġika jidher li filwaqt li l-biċċa l-kbira jitkellmu bil-Malti, il-Maltin għadhom jippreferu jużaw l-Ingliż meta jiġu biex jiktbu xi ittra jew jibagħtu messaġġi elettroniċi.

“Quddiem l-isfidi li jħabbat wiċċu magħhom kull ġurnalista, meta jiffaċċja kliem u espressjonijiet ġodda li jinħolqu kuljum fil-medja internazzjonali, jeħtieġ li jkun hemm l-għajnuna permezz ta’ taħriġ u korsijiet ta’ aġġornament. Il-qawl Malti jgħid “il-ħuta ż-żgħira qatt ma kielet il-kbira” – u għaldaqstant jeħtieġ li jitfassal pjan nazzjonali li minnu l-Maltin jifhmu u japprezzaw li l-lingwa tagħna hi parti mill-wirt nazzjonali u teħtieġ l-attenzjoni u l-protezzjoni.”

Din id-dikjarazzjoni importanti ħafna għamilha Joseph P. Borg, is-Segretarju tal-Akkademja tal-Malti, f’intervista estensiva ma’ il-mument dwar ħidmet l-istess Akkademja tal-Malti u l-isfidi li qed jiffaċċja l-ilsien Malti li hu wieħed mil-lingwi uffiċjali tal-Unjoni Ewropea.

Din hi l-ewwel parti tal-intervista ma’ Joseph P. Borg:

X’qed tħejju biex tfakkru ċ-ċentinarju tal-Akkademja tal-Malti?

Dehrilna li kienet ħaġa xierqa li nistiednu lill-imsieħba tagħna stess iressqu l-proposti tagħhom biex niċċelebraw għeluq il-mitt sena mit-twaqqif tal-Għaqda tal-Kittieba tal-Malti, kif kienet magħrufa l-Akkademja meta twaqqfet. Waslulna madwar 26 proposta u l-kunsill ħa ħsieb jgħarbilhom sew u għażel minnhom dawk li huma prattiċi u dinjitużi u fl-istess ħin iħallu tifkira dejjiema kif ukoll edukattiva.

Fosthom hemm ippjanat li jsir kunċert mal-Mro Dominic Galea b’għażla ta’ kompożizzjonijiet mużikali mis-CDs li diġà ħareġ bħal Għanja (poeżiji ta’ Dun Karm), Karba (poeżiji ta’ Rużar Briffa) u Nirien (poeżiji ta’ Karmenu Vassallo). Hemm il-ħsieb ukoll li jsir dokumentarju qasir fuq l-Akkademja biex jixxandar minn fuq it-televixin u diġà bdejna l-ħidma tagħna biex issir wirja organizzata ma’ Heritage Malta bit-titlu ‘Il-Malti – mill-bidu sal-għarfien uffiċjali’. Fil-Bibljoteka Nazzjonali tista’ ssir wirja bil-pubblikazzjonijiet marbuta mill-qrib mal-Akkademja kif ukoll ta’ dokumenti li huma xhieda tal-mixja ta’ lsienna fil-ġurnali u l-kotba stampati.

Ma jistax jonqos li nippjanaw serata speċjali tal-okkażjoni. Din m’għandhiex tkun waħda ta’ natura akkademika imma għandha tkun divertenti u fiha rridu nuru l-aqwa talenti li għandna minn fost il-kompożituri u l-kantawturi Maltin, bħal Manwel Mifsud, Mario Debono, Corazon Mizzi, Dorothy Bezzina, fost oħrajn.

Hemm ukoll il-proposta li nippubblikaw ħarġa speċjali ta’ Il-Malti bl-istorja tal-Akkademja b’għadd sabiħ ta’ ritratti. Qed naħdmu mill-qrib ma’ preżentaturi magħrufa fil-qasam tax-xandir biex jixxandru intervisti ma’ awturi stabbiliti u oħrajn deħlin fix-xena.

Hi x-xewqa tagħna li f’din is-sena ċentinarja tiġi inawgurata r-rinovazzjoni tal-Kamra ta’ Dun Karm fil-Mużew tal-Katidral – idealment f’Ottubru 2020. Din tista’ tkun konġunta mal-kommemorazzjoni li ssir f’ġieħ il-Poeta Nazzjonali mal-Kumitat Festi Nazzjonali. U nieħdu l-okkażjoni  biex nippubblikaw it-teżi għall-MA ta’ Marita Cassar, Xejriet tal-Proża bil-Malti ta’ Dun Karm mal-Klabb Kotba Maltin.

Qed nippjanaw li jsir logo speċjali għaċ-ċentinarju u l-membri jingħataw tifkira speċjali li tista’ tkun midalja kommemorattiva.

Imma l-aqwa ħaġa li tista’ ssir matul is-sena ċentinarja tal-Akkademja hi li titnieda s-CD ta’ Manwel Mifsud bil-kanzunetti tiegħu – il-ġabra li issa ħafna ilhom jistennewha għal għexieren ta’ snin.

X’kisbiet importanti għamlet l-Akkademja matul is-snin?

Qabelxejn l-għarfien uffiċjali tal-ilsien Malti: fl-1934 dehret l-aħbar fil-Gazzetta tal-Gvern li l-alfabett u l-ortografija tal-Għaqda tal-Kittieba tal-Malti, miġbura fit-Tagħrif fuq il-Kitba Maltija (1924), kienu qed jingħataw għarfien uffiċjali fid-dokumenti tal-Qorti, tal-Parlament u fil-knejjes.

Imbagħad fil-Kostituzzjoni ta’ Malta tal-1961 il-lingwi uffiċjali saru l-Malti u l-Ingliż. Fil-Kostituzzjoni ta’ Malta Indipendenti (1964) nsibu distinzjoni importanti: l-artiklu 5 (1) jispeċifika li l-lingwa nazzjonali ta’ Malta hi l-lingwa Maltija, (2) li l-lingwi uffiċjali huma l-Malti u l-Ingliż u (3) li l-lingwa tal-Qrati hi l-lingwa Maltija. Il-Kostituzzjoni ta’ Malta Repubblika (1974) ikkonfermat dawn l-artikli.

Fl-2004 il-Malti il-Malti ġie rikonoxxut bħala lsien uffiċjali fost 24 lingwa tal-Unjoni Ewropea.

F’April 2005 l-Parlament Malti għadda unanimament il-Liġi tal-Malti li biha twaqqaf il-Kunsill Nazzjonali tal-Ilsien Malti. F’Artiklu 3 tal-Att dwar l-Ilsien Malti nsibu li l-Malti huwa “l-ilsien ta’ Malta u element ewlieni mill-wirt u l-identità nazzjonali tal-Maltin għax jagħżilhom minn kull poplu ieħor”. L-istess Artiklu jistabbilixxi li l-Malti huwa l-aqwa mezz ta’ espressjoni u li l-lingwa tiġġedded ta’ kuljum fuq fomm il-Maltin.

Nafu li mill-Akkademja ħarġu bosta kittieba u poeti magħrufa. Tista’ ssemmi xi wħud minnhom u l-kontribut li taw lil-letteratura Maltija?

Qabelxejn tajjeb li nsemmu lil Ġużè Muscat Azzopardi – l-ewwel President tal-Akkademja – jibqa’ magħruf għar-rumanzi, fosthom Toni Bajjada, Mattew Callus u Nazju Ellul. Kien ukoll l-editur ta’ In-Naħla Maltija u Il-Ħabib.

Ninu Cremona li bit-Tagħrif fuq il-Kitba Maltija (1924) fassal l-ortografija Maltija, bil-għajnuna ta’ Ġanni Vassallo u l-kummissjoni maħtura għal dan il-għan.

Diġà semmejt lil Dun Karm – li kien it-tieni President tal-Akkademja – u li żejjen lil pajjiżna mhux biss bl-Innu Malti imma wkoll b’sunetti li ma jmutu qatt, fosthom Univers Ieħor, Bjuda, Wied Qirda u Lil Mikiel Anton Vassalli. L-Innu tiegħu Nadurawk, ja Ħobż tas-Sema tant kien popolari li xtered f’ħafna pajjiżi bis-saħħa tal-Kungress Ewkaristiku tal-1913. L-aqwa xogħol tiegħu jibqa’ Il-Jien u Lil Hinn Minnu.

Karmenu Vassallo, Anton Buttigieg, Ġorġ Pisani u Rużar Briffa kienu fost l-imsieħba ewlenin fl-Għaqda tal-Kittieba tal-Malti u tawna l-aqwa xogħlijiet Romantiċi fil-letteratura tagħna. L-awturi li isimhom kien marbut mal-Moviment Qawmien Letterarju wkoll eventwalment taw sehemhom fl-Akkademja: Victor Fenech, Achille Mizzi, Frans Sammut, Oreste Calleja u Trevor Żahra, fost oħrajn.

Hemm oħrajn, aktar qrib ta’ żmienna, li kienu msieħba tal-Akkademja u taw kontribut siewi anke f’oqsma oħra, bħal ngħidu aħna fil-Folklor: Ġużè Cassar Pullicino u Dr Ġorġ Mifsud Chircop.

It-tieni parti tal-intervista f’il-mument tal-Ħadd li ġej

Kif u għalxiex twaqqfet l-Akkademja tal-Malti

Kien żmien ta’ sentiment politiku qawwi u ftit xhur qabel kienu seħħew l-irvellijiet tas-Sette Giugno. L-Akkademja twaqqfet qabelxejn bħala L-Għaqda tal-Kittieba tal-Malti fl-14 ta’ Novembru 1920. Kellha tliet għanijiet ewlenin: (i) tfassal alfabett Malti fuq sisien xjentifiċi; (ii) tiġbor lill-kittieba fi ħdanha u (iii) tnissel letteratura. Erbgħin sena qabel, fl-1880, Anton Muscat Fenech kien diġà stieden lill-kittieba kollha ta’ żmienu biex jiltaqgħu u jfasslu metodu wieħed għall-kitba bil-Malti imma kellhom jgħaddu aktar snin, sakemm seħħ il-ħsieb bis-saħħa tal-appell ta’ Franġisk Saver Caruana f’Il-Ħabib fil-21 ta’ Settembru 1920.

L-alfabett tal-Għaqda tal-Kittieba tal-Malti ħa l-għeruq u kkonsolida ruħu meta l-Għaqda ħarġet it-Tagħrif fuq il-Kitba Maltija fl-1924 u xejnet darba għal dejjem it-taħwid li kien hemm u ġabet l-uniformità fil-kitba bil-Malti. Il-Gvern daħħal l-ortografija tal-Għaqda fl-iskejjel u fl-1934 għaraf uffiċjalment l-alfabett u l-ortografija tagħha. Maż-żmien inħasset il-ħtieġa li t-Tagħrif jiġi aġġornat u nsibu ż-Żieda mat-Tagħrif (1984), l-Aġġornament tat-Tagħrif fuq il-Kitba Maltija (1991) u r-Regoli tal-Kitba tal-Malti (1998).

Fi żminijietna, l-għan tal-Akkademja, kif imniżżel fl-istatut huwa li “taħdem biex iġġib ’il quddiem il-qagħda tal-Malti bħala lsien nazzjonali fl-oqsma kollha tal-ħajja”.H