Liverpool u Manchester City se jġeddu r-rivalità tal-istaġun li għadda hekk kif illum jibda l-istaġun il-ġdid tal-futbol Ingliż bil-Community Shield f’Wembley. City għelbu lil Liverpool għar-rebħ tal-kampjonat fl-aħħar ġurnata tal-istaġun li għadda qabel rebħu wkoll l-FA Cup. Liverpool temmew l-istaġun bir-rebħ tal-UEFA Champions League.
Iż-żewġ timijiet bdew jilqgħu xi plejers lura għat-taħriġ wara l-impenji internazzjonali tal-Copa America u t-Tazza Afrikana. Manchester City rebħu tlieta mill-erba’ partiti ta’ ħbiberija li kellhom bl-akkwist il-ġdid Rodri jidher li daħal tajjeb fit-tim. Liverpool ġejjin minn rebħa kontra Olympique Lyon l-Erbgħa iżda fl-erba’ logħbiet ta’ qabel naqslu jirbħu kontra Borussi Dortmund, Sevilla, Sporting Lisbon u Napoli.
Sergio Aguero, Nicolas Otamendi u Gabriel Jesus irritornaw għat-taħriġ ma’ Manchester City din il-ġimgħa. Fuq in-naħa l-oħra, Mohamed Salah, Roberto Firmino u l-gowlkiper Alisson irritornaw fl-aħħar partita ta’ ħbiberija u hemm possibbiltà li xi ħadd minnhom jilgħab. Naby Keita u Xherdan Shaqiri rritornaw għat-taħriġ filwaqt li Sadio Mane mhux disponibbli.
Manchester City rebħu dan it-trofew fl-istaġun li għadda wara li kienu għelbu lil Chelsea 2-0 b’doppjetta ta’ Sergio Aguero f’dak li kien il-ħames suċċess tagħhom. Liverpool rebħu dan it-trofew 15-il darba iżda l-aħħar darba li kisbu suċċess kien fl-2006 meta wkoll kienu rebħa kontra Chelsea 2-1.
//= $special ?>