Knisja Lokali

“M’aħniex konxji mit-taqlib li għaddej” – L-Isqof Mario Grech

“Bħala soċjetà u kemm bħala Knisja, huwa minnu li li għandna għajnejna miftuħa, imma ma aħniex konxji mit-taqlib u t-tibdil li għaddej madwarna, tant li bqajna nġibu ruħna bħal dejjem daqslikieku ma qed jiġri xejn madwarna.”

Hu dan il-kliem qawwi u ta’ twissija tal-Isqof ta’ Għawdex Mario Grech fil-bidu tal-Kwindiċina – it-tradizzjoni ta’ ħmistax-il jum ta’ preparazzjoni spiritwali għall-Festa ta’ Santa Marija – fil-Katidral ta’ Għawdex.

Huwa insista li waqt li qed niċċelebraw il-qawmien ta’ Marija mir-“raqda” tagħha, hu jixtieq li “nitolbu flimkien biex il-Knisja tagħna tqum minn ċerta raqda”

L-Isqof Grech ħeġġeġ għad-devozzjoni vera lejn Ommna Marija, għax min jieħu lil Marija għandu, iqum għall-ħajja tal-fidi.

“Meta qed ngħid li nixtieq li nqajmu fina d-devozzjoni Marjana, qed nagħmel stedina biex niftħu għajnejna ħalli nagħrfu x’inhi s-sejħa tagħna bħala Knisja llum. Għax Marija hija mudell għall-Knisja,” stqarr l-Isqof Grech.

L-Assunzjoni ta’ Marija hija t-titular tal-Katidral fejn l-Isqof ta’ Għawdex għandu s-sede tiegħu, kif ukoll tas-Santwarju Nazzjonali Ta’ Pinu li l-kwadru tiegħu, li qed jagħlaq erba’ mitt sena, juri t-Tlugħ fis-Sema ta’ Marija.