Futbol Sport

Manchester City jegħlbu lil Liverpool f’Wembley wara l-għoti tal-penalties

Manchester City, iċ-Champions tal-Ingilterra, fetħu l-istaġun ġdid tal-kampjonat b’rebħa fuq Liverpool fil-finali tal-Community Shield u wara penalty shoot-out li konkludiet logħba mill-aktar divertenti f’Wembley Stadium. Is-suċċess tas-Citizens ifisser li din hi t-tieni sena konsekuttiva li t-tim ta Pep Guardiola kiseb ħl-unur fil-logħba li tiftaħ is-siparju għall-istaġun ġdid tal-Premier League fl-Ingilterra.

Il-logħba ma kenitx nieqsa mill-azzjonijiet u fejn Liverpool – bħala ċ-Champions tal-Ewropa – żgur li lagħbu l-parti tagħhom, speċjalment fit-tieni taqsima, fejn dehru l-aktar tim avventuruż u kienu sfortunati li ma kellhomx aktar gowls x’juru għall-isforzi tagħhom.

Manchester City, intant, kienu aħjar mill-avversarji fl-ewwel taqsima u dehru aktar organizzati– b’Raheem Sterling isib ix-xibka mill-viċin wara biss 12-il minuta.

Il-gowl seħħ b’daqsxejn ta’ kumpliċità mill-gowlkiper avversarju, Alisson, li kien indeċiż waqt l-azzjoni  mibdija minn David Silva u fejn kompla l-ballun għal ġewwa wara l-konklużjoni ta’ Sterling.

It-tieni taqsima kienet aktar movimentata fejn Sterling laqat sieq il-lasta għal City u bir-Reds iwieġbu b’żewġ azzjonijiet konsekuttivi li fihom ix-xutt ta’ Virgil van Dijk stampa mal-mimduda u b’Mohamed Salah jolqot il-lasta f’tentattiv ieħor ta’ Liverpool.

Intant, il-pressjoni tar-Reds tat il-frott meta, fis77 minuta, id-difensur Joel Matip daħal tajjeb għall-cross ta’ van Dijk u sab ix-xibka bir-ras minkejja li kien issikkat minn Zinchenko.

Minn dak il-ħin, Liverpool ħadu r-riedni tal-logħba u kienu qrib il-gowl tar-rebħa diversi drabi – b’Salah jitlef tliet opportunitajiet tajbin quddiem il-gowlkiper Claudio Bravo.

L-attakkant Eġizzjan jista’ anki jħoss ruħu sfortunat meta d-daqqa ta’ ras tiegħu, minuta mit-tmiem, dehret destinata għal ġewwa, bi Bravo megħlub, u bid-difensur ta’ City Kyle Walker isalva akrobatikament minn fuq il-linja fatali.

B’hekk, ir-riżultat baqa’ 1-1 wara 90 minuta u kien imiss l-għoti tal-penalties – b’City jiskurjaw il-ħamsa tagħhom u b’Georginio Wijnaldum jara l-penalty tiegħu salvat minn Bravo. Il-penalty deċiżiv għal Manchester City skurjah Gabriel Jesus b’xutt b’saħħtu fir-rokna tax-xibka li ma ta l-ebda ċans lil Alisson

Il-formazzjonijiet

Man City: Bravo, Walker, Stones, Otamendi, Zinchenko, De Bruyne ( Foden, 89), Rodri, David Silva ( Gundogan, 61), Bernardo Silva, Sterling, Sane ( Gabriel Jesus, 13)

Liverpool: Alisson, Alexander-Arnold ( Matip, 67), Gomez, van Dijk, Robertson, Wijnaldum, Fabinho ( Keita, 67), Henderson ( Lallana,79), Salah, Firmino (Shaqiri, 79), Origi ( Oxlande-Chamberlain, 79)

Referi: Martin Atkinson

Attendenza: 77,565