Tħabbret il-mewt tal-eks gowlkiper ta’ Sliema Wanderers u tat-tim nazzjonali Malti Victor Scerri fl-età ta’ 91 sena. Scerri bla dubju hu wieħed mil-leġġendi tal-futbol hekk kif kien il-gowlkiper meta Malta lagħbet l-ewwel logħba internazzjonali uffiċjali kontra l-Awstrija fl-1957.
Scerri twieled f’Tas-Sliema fis-17 ta’ Lulju tal-1928. Hu beda l-karriera tal-futbol fl-età ta’ 14-il sena u fl-1945 kien ingħaqad ma’ Sliema Rainbows fil-kampjonat Anglo-Maltese. Hu għamel id-debutt ma’ Melita fl-istaġun 1946/47 u fl-istaġun ta’ wara ngħaqad ma’ Sliema Wanderers.
Sal-1950 hu reġa’ lagħab ma’ Melita qabel reġa’ lagħab ma’ Sliema Wanderers sal-1960, żmien li kien l-aħjar wieħed ta’ Scerri fil-karriera. Fl-istaġun 1960/61, Scerri lagħab ma’ Floriana għal staġun sakemm fl-istaġun ta’ wara beda t-tielet esperjenza mal-klabb Slimiż iżda kien sfurzat jirtira fl-istaġun 1962/63 minħabba li weġġa’.
Wara li rtira, Victor Scerri baqa’ jagħti kontribut lill-futbol lokali. Hu kellu esperjenzi ta’ kowċ ma’ Gżira United, Msida St Joseph u wara ma’ Sliema Wanderers fejn fosthom rebaħ il-kampjonat fl-istaġuni 1971/72 u 1972/73.
Hu kien kowċ nazzjonali għal ftit xhur fl-1973 u reġa’ nħatar fil-kariga bejn Ottubru tal-1978 u Diċembru tal-1983. Taħt it-tmexxija tiegħu, Malta lagħbet 29 logħba u nkisbu ħames rebħiet u tliet draws. Fost il-logħbiet tiegħu bħala kowċ nazzjonali, tispikka dik tal-21 ta’ Diċembru tal-1983 meta Malta kienet megħluba 12-1 minn Spanja.
Din il-logħba baqgħet tissemma fl-istorja tal-futbol Malti, b’Scerri jitkellem f’diversi intervisti minn dakinhar dwar dak li seħħ speċjalment mill-Ispanjoli f’dawk il-jiem. Wara dik it-telfa, Scerri kien irtira minn kowċ iżda baqa’ jgħin lill-MFA fis-snin ta’ wara. Hu kien ukoll Head Coach tan-nursery ta’ Sliema Wanderers.
Sentejn ilu, Victor Scerri kien wieħed mill-eks plejers li kienu onorati mill-MFA fis-60 anniversarju mill-ewwel partita internazzjonali ta’ Malta. F’Mejju li għadda, Victor Scerri sar l-ewwel kowċ li daħal fil-Hall of Fame tal-MFA.
//= $special ?>