Franċiż magħruf għall-innovazzjonijiet tiegħu rnexxielu jaqsam il-Kanal Ingliż għall-ewwel darba, permezz ta’ flyboard speċjali li jinkorpora magna ta’ ġett.
Għaldaqstant, Franky Zapata fetaħ paġna ġdida fl-istorja tat-titjiriet innovattivi wara li telaq minn Sangatte, viċin Calais ( fi Franza) u niżel f’ St Margaret’s Bay fl-inħawi ta’ Dover fl-Ingilterra,
L-invenzjoni ta’ Zapata – li tibbaża fuq backpack mimli bil-fuel – għenitu biex jagħmel il-vjaġġ ta’ 35.4 kilometru mill-Kanal Ingliż f’ħin ta’ 22 minuta.
Fil-25 ta’ Lulju li għadda, Franky Zapata, eks champion tal-jet-ski, falla fl-ewwel tentattiv biex jaqsam il-Kanal Ingliż minħabba kumplikazzjonijiet fis-sistema tar-refuelling. Malli kkonkluda l-vjaġġ f’Dover hu tkellem mal-ġurnalisti u fakkarhom li l-magna inkwistjoni kienet prodotta tliet snin ilu u li, issa, ‘ħaddieħor irid jiddeċiedi jekk it-titjira kenitx waħda storika jew le’.
Zapata anki informa lill-folol tan-nies f’Dover li, waqt it-titjira, irnexxielu jilħaq veloċità massima ta’ 170 kilometru fis-siegħa.
L-akbar sfida li kellu waqt il-vjaġġ kien proprju l-proċess tar-refuelling fejn kellu jaqleb għal backpack ieħor bil-għan li jikkonkludi l-isfida. Fit-tentattiv preċedenti, il-Franċiż kien niżel fil-baħar fejn, imbagħad, avviċinatu dgħajsa b’tieni backpack. Għall-vjaġġ tal-bieraħ, Zapata kellu miegħu wkoll skorta ta’ tliet ħelikopters u dgħajsa.
Franky Zapata kien qanqal attenzjoni fuq livell globali waqt il-Parata ta’ Bastilja annwali li saret ix-xahar li għadda f’Pariġi u fejn hu kien ipparteċipa fil-programm militari permezz tal-flyboard futuristiku tiegħu.
//= $special ?>