Futbol Sport

Adrian is-suċċessur ta’ Mignolet bħala riserva ta’ Alisson

Liverpool ħabbru l-akkwist tal-gowlkiper Adrian li se jservi bħala riserva ta’ Alisson Becker. Adrian spiċċalu l-kuntratt minn ma’ West Ham wara sitt snin mal-Hammers li fihom lagħab 150 logħba.

“Kuntent ħafna li qiegħed hawn u naħdem ma’ dan il-klabb kbir u nagħmel dak li naf jien fil-pitch kemm jista’ jkun malajr. Jien veru ambizzjuż, ġejt hawn biex nipprova nirbaħ kollox, nipprova nimbotta lil Alisson mill-ewwel minuta u nitjiebu. Ovvjament irrid nirbaħ it-titli. Ġejt hawn biex nissielet għal kull kompetizzjoni. Għandna ħafna kompetizzjonijiet quddiemna,” qal Adrian lis-sit uffiċjali ta’ Liverpool.

L-Ispanjol beda l-karriera ma’ Real Betis qabel kompla l-karriera fil-Premier League ma’ West Ham fl-2013. Hu lagħab 150 logħba iżda fl-aħħar staġun tilef postu minħabba li Lukasz Fabianski kien preferut u sussegwentament ġie rilaxxat mill-klabb minn Londra.

Hu se jkun is-suċċessur ta’ Simon Mignolet li ħalla lil Liverpool biex ingħaqad mal-klabb Belġjan Club Brugge b’kuntratt ta’ ħames snin għal somma ta’ madwar €10 miljuni. Il-gowlkiper ta’ 30 sena tħalla jitlaq minn ma’ Liverpool dan is-sajf wara li s-sena l-oħra kienu rrifjutaw li jingħaqad b’self ma’ Napoli wara li Loris Karius kien ħalla lill-klabb.

Mignolet jidher li ħalla Anfield f’relazzjoni tajba hekk kif Liverpool huma kuntenti bis-somma li rċevew filwaqt li kienu kuntenti li jissodisfaw ix-xewqa tal-plejer li jitlaq. Hu ngħaqad magħhom mingħand Sunderland sitt snin ilu u lagħab 204 logħbiet mal-klabb.