Futbol Sport

Birkirkara jħallu pajjiżna biex jipparteċipaw fir-rawnd ta’ kwalifikazzjoni tal-UEFA Champions League

(Ritratt: Birkirkara FC)

Iċ-champions Maltin Birkirkara ħallew pajjiżna lejn Litwanja fis-sigħat bikrin tal-bieraħ hekk kif se jkunu qed jilagħbu fir-rawnd ta’ kwalifikazzjoni tal-UEFA Champions League tan-nisa bejn is-7 u t-13 ta’ Awwissu.

Birkirkara jibdew l-impenji għada kontra l-favoriti tal-grupp Gintra Universitetas u fl-10 ta’ Awwissu jilagħbu kontra KF Vllaznia tal-Albanija qabel konfront kontra Wexford Youths fit-13 ta’ Awwissu. Is-sena l-oħra fl-istess kompetizzjoni, Birkirkara kienu kisbu l-ewwel punt tagħhom fil-kompetizzjoni bi draw kontra Cardiff Met ta’ Wales.

Il-kowċ Melania Bajada għażlet 20 plejer għal dawn il-logħbiet minn Grupp 10. L-għażla hi bbażata fuq plejers ta’ esperjenza kif ukoll dawk żgħażagħ, taħlita li wasslet biex taħt it-tmexxija tagħha Birkirkara rebħu l-kampjonat darbtejn konsekuttivi.

L-iskwadra tinkludi ż-żewġ akkwisti Ylenia Carabott u Simone Buttigieg. Ukoll hemm l-aqwa skorer tas-sena li għaddiet Kailey Willis, Mariah Cardona, Kaycee Micallef u Veronique Mifsud huma eliġibbli li jilagħbu fil-kompetizzjoni għall-ewwel darba.

Flimkien mal-iskwadra hemm l-istaff tekniku li hu magħmul mill-kowċ Melania Bajada, l-assistent kowċ Lawrence Ciantar, il-kowċ tal-gowlkipers Simon Grech, il-fiżjoterapista Antonella Zammit, it-Team Manager Henriette Fenech, il-kit manager Doreen Parnis u l-uffiċjali Ayrton Galea u Massimo Fenech.

Skwadra kollha

Janice Xuereb, Nina Dimech, Mariah Cardona, Stephania Farrugia, Michela Felice, Kaycee Micallef, Jelena Sakic, Mariah Sciberras, Yasmeen Vella, Samantha Zarb, Simone Buttigieg, Veronique Mifsud, Tracy Teuma, Ann-Marie Said, Alishia Sultana, Gabriella Zahra, Ylenia Carabott, Raina Giusti, Sarah Urpani, Kailey Willis