Sport Sport Ieħor

Brian Galea jirbaħ Grand Prix tat-trap f’Ħal Qormi

It-tiratur Brian Galea rebaħ il-Grand Prix li ġiet organizzata fil-Qormi Clay Shooting Club fid-dixxiplina tat-trap. William Chetcuti u James Galea komplew il-podju.

Brian Galea għamel straight fl-ewwel rawnd li għenu biex seta’ jibni vantaġġ tajjeb. Mikaela Galea spiċċat fis-sitt post wara li laqtet 14-il plattina minn 25. John Marmara kien eliminat fir-rawnd ta’ wara minħabba li kien distakkat bi tliet plattini fl-ewwel rawnd u għalhekk kien inutli li laqat erba’ mill-ħames plattini.

James Galea rebaħ id-dwell ma’ George Mifsud biex kiseb post fuq il-podju iżda kien distakkat miż-żewġ tiraturi l-oħra u l-finali kienet kontestata minn Brian Galea u William Chetcuti. Fl-aħħar rawnd huma t-tnejn laqtu tmien plattini minn għaxra, b’Galea jispiċċa b’total ta’ 44 plattina, waħda aktar minn Chetcuti. Il-programm tat-trap ikompli l-Ħadd 11 ta’ Awwissu fix-Shooting Range fis-Siġġiewi.