Lokali

Il-Gvern għadu ċass kontra l-prekarjat

Tal-mistħija. B’dan il-mod gew deskritti l-pagi li qed ikunu offruti lil dawk li bħalissa qed ifittxu impjiegi u jużaw is-servizzi offruti mill-aġenzija tal-Gvern Jobsplus.

Kien Jeffrey Pullicino Orlando – l-eks Deputat li qabel l-elezzjoni ġenerali tal-2013 ingħaqad mal-Partit Laburista – illi nnota kif ma jistax ikun li ħaddiem jitħallas 760 fix-xahar għal impjieg ta’ Live-in Carer jew 900 fix-xahar għal impjieg ta’ Book keeping Clerk.

Tlett ijiem mid-dħul tal-prezzijiet il-ġodda tal-fuels, fejn issa l-poplu Malti u Għawdxi qed ikollu jħallas 5ċ aktar għal kull litru petrol u diesel, Pullicino Orlando qal li meta jara dawn il-pagi, “iġġib għajnejk wara widnejk”.

Dikjarazzjoni bħal din tħasseb lil ħafna dwar jekk il-wegħdiet ewlenin li Muscat kien għamel qabel ma nħatar Prim Ministru, verament twettqux.

Pereżempju, qabel l-2013 u akkumpanjat mill-qrib mill-General Workers Union, Muscat fit-tmexxija tal-Partit Laburista kien jikkritika l-politika ekonomika tal-Gvern Nazzjonalista u jgħid li jekk jingħata l-fiduċja, lest jeqred għalkollox il-prekarjat.

U erba’ xhur biss wara l-elezzjoni – fit-28 ta’ Lulju 2013 – fuq l-istazzjon tal-Partit Laburista kien qal li l-Gvern tiegħu, li dak iż-żmien kien għadu ġdid, kien se jeqred il-prekarjat.

Iżda llum, wara biss sitt snin ta’ Gvern Laburista, qed joħorġu dejjem aktar fatti li din il-wegħda mhux talli ma twettqietx, talli lanqas biss beda jwettaqha.

Il-post ta’ Jeffrey Pullicino Orlando fuq Facebook wassal għall-kummenti ta’ ħafna, li nnutaw kif lanqas il-wegħda ta’ Muscat li l-ġid se jinqasam bejn kulħadd ma daħlet fis-seħħ. Tant hu hekk, li għad fadal ħafna li għadhom qed jitħallsu bil-prekarjat.

Fost il-kummenti kien hemm dak ta’ dan il-ħaddiem, li spjega lil Pullicino Orlando kif, għax jaħdmu mal-kuntrattur, ma jgawdux minn benefiċċji ta’ ħlas doppju jew triplu tal-Ħdud u l-Festi. Filwaqt li kompla li qed jinsterqu madwar 300 ewro fix-xahar, ħalef li ma jerġax jivvota darb’oħra għax il-partit li tant kien iħobb… ghax tradih.

Kummenti li, kif mistenni, aktar tard tħassru mill-Konsulent tal-Gvern, li llum qed imexxi ċ-Ċentru Malti għax-Xjenza u t-Teknoloġija.

Meta kien għadu Kap tal-Oppożizzjoni, Muscat kien qal li l-Partit tiegħu ma jridx li ż-żagħżugħ ikollu jinżel għarkupptejh biex jimxi ‘l quddiem …

Iżda fil-verità, kemm ilu Prim Ministru, Muscat qisu nesa liż-żgħażagħ … tant li ma jidhirx li għadu jemmen li dawn huma l-qalb u l-enerġija tal-Partit Laburista …

… għax issa qed iħallihom jiġġieldu l-prekarjat waħedhom.