Ambjent Kunsilli Lokali Lokali

Il-progress m’għandux isarraf f’rigress għall-komunita ta’ Santa Luċija – PN

Il-Kunsillier tal-Partit Nazzjonalista f’Santa Luċija, Liam Sciberras jirreferi għax-xogħolijiet li qed isiru fuq ir-roundabout ta’ Santa Luċija eżattament fejn ser isir l-underpass li minn tal-Barrani jgħati għal Vjal Santa Luċija jew kif inhi magħrufa aħjar in-nizla taċ-Ċimiterju.

Liam Sciberras fi stqarrija kkundanna bla riserva l-inċident li seħħ fi tmiem il-ġimgħa fuq dan is-sit fejn numru ta’ persuni li ridu jsemmu leħinhom kontra iktar tqaccit ta’ sigar u qerda tal-ambjent spiċċaw insulentati u aggrediti. Huwa ta’ għajb li f’pajjiz suppost modern, min jipprova jipprotesta jiġi aggredit.

Il-Kunsillier Sciberras sostna li filwaqt li ħadd ma jista jżomm il-progress, dan m’għandux isir b’detriment għar-residenti ta’ Santa Luċija. Filwaqt li huwa pożittiv li l-ħrug u d-dħul għal Santa Luċija jkun iktar sigur, dan m’għandux iwassal sabiex il-Gvern ikompli jqaċċat iktar siġar b’detriment għall-komunita ta’ Santa Luċija u l’madwar. Huwa fakkar kif il-Gvern ga qaċċat is-siġar kollha li kien hemm fil-bidu ta’ Triq l-Avjazzjoni sabiex wessa t-triq, siġar maturi li kienu jgħatu kenn lil kull min jgħaddi minn dik it-triq.

Sfortunatament, l-istess xorti misset lis-Siġar maturi li kien hemm fil-joking track hekk kif tidħol ġewwa Santa Luċija u dan sabiex iseħħ il-proġett tal-underpass propost mill-Gvern.

Il-Kunsillier Nazzjonalista Liam Sciberras ifakkar li din il-Jogging Track ġiet inawgurata sentejn ilu b’tant pompa propju ftit ġranet qabel l-elezzjoni ġenerali tal-2017 u sabiex sar dan il-proġett, il-Gvern kien nefaq €90,000. Din waħedha tindika b’mod ċar kemm dan il-Gvern mixi bla pjan u bla direzzjoni iżda jieħdu deċiżjonijiet ta’ malajr mingħajr viżjoni. Dan juri l-istrateġija tal-Gvern li moħħu biss biex jitfa l-bżar fl-għajnejn u tħallas int mit-taxxi tiegħek. Gvern ħali bi flus il-poplu Malti.

Huwa importanti li s-siġar li qegħdin jinqalaw jiġu trasportati skond kif titlob is-sengħa u jitħawlu f’żoni oħrajn ġewwa Santa Luċija stess. Iktar minhekk, il-Kunsillier Nazzjonalista Liam Sciberras fakkar fit-talba tar-residenti li joqodu fil-viċinanzi ta’ fejn ser isir l-under pass sabiex dan il-proġett ikun jinkorpora fiħ sound barriers bħal ma saru fi progetti oħrajn gewwa Malta sabiex ir-residenti ma jkollhomx l-inkonvenjent ta’ ħsejjes eċċessivi tal-karrozzi li jgħaddu kemm bil-lejl kif ukoll bi nhar.

Fl-aħħar nett, il-Kunsillier Lokali tal-Partit Nazzjonalista f’Santa Luċija, Liam Sciberras ser jibqa jkun il-vuċi tar-residenti li jirrapreżenta u ser ikompli jaħdem sabiex Santa Luċija ma tkunx il-ħaruf tas-sagrifiċċju f’din il-ġirja sfrenata li l-Gvern għaddej biha taħt l-iskuża tal-progress.