Lokali Qorti

Il-Qorti għad trid tiddeċiedi jekk omm Liam Debono tixhidx fil-konfront tas-sieħeb tagħha

Omm Liam Debono imbikkma f'intervista mal-istazzjon Laburista

Il-Qorti tal-Maġistrati preseduta mill-Maġistrat Claire Strafrace Zammit għad trid tiddeċiedi jekk Charlotte Zammit, ta’ 37 sena, li tiġi omm Liam Debono, għandhiex tixhed fil-konfront tas-sieħeb tagħha Joseph Grech li qiegħed jiġi akkużat talli għen f’serqa f’pompa tal-petrol f’Ħal Qormi.

Dan wara li hija qalet fil-Qorti li hi u l-akkużat huma beħsibhom jiżżewġu, u li hija u l-imputat għandhom tarbija ta’ sena. Il-Qorti rrifjutat li tieħu deċiżjoni mmedjata fuq it-talba tal-mara u qalet li hemm bżonn ta’ aktar kjarifika fuq dan il-punt, u għalhekk għamlet talba lill-avukat ġenerali għas-sottomissjonijiet tiegħu fuq dan il-punt.

Zammit hija omm ta’ Liam Debono, iż-żgħażugħ ta’ 17-il sena li jinsab akkużat bl-attentat qtil tal-pulizija Simon Schembri f’Mejju li għadda. Debono bħalissa qiegħed jiskonta sentenza ta’ ħames snin ħabs, wara li nqabad jerġa jsuq mingħajr liċenzja, u li wkoll kiser il-kundizzjonijiet mogħtija lilu mill-Qorti.

Zammit intalbet tixhed wara li s-sieħeb tagħha, Joseph Grech, qed jiġi mixli li għen f’serqa f’pompa tal-petrol f’Ħal Qormi, liema serqa saret fil-lejl ta’ bejn it-3 u l-4 ta’ Lulju li għadda, fi Triq Ħal Luqa.

Mill-provi li ħarġu sa issa jindikaw li Grech kien qiegħed isuq karozza tal-għamla Volkswagen ħamra, li intużat fis-serqa, u li mara, allegatament Charlotte Zammit kienet tidher dehre tt fl-inħawi tall-magni tal-pompi u tiżgasshom biex tisraqhom.

Il-vittma, sid tal-pompa tal-petrol li xehed fil-Qorti tenna li għadu ma jistax jippontifika l-ammont misruq, iżda l-ħsara li kienet ikkaġunata b’dan l-iżgass jammonta għal madwar €1,000.

Il-Qorti fuq il-punt tax-xhiea esprimiet il-ħsieb tagħha lill-udjenza preżenti, u rrimmarkat li ma jistax ikun li s-sempliċi fatt li xhieda jkollu xi relazzjoni ma’ xi akkużat, anke jekk din ikollha tarbija, jiġu użat b’mod awtomatiku bħala skuża biex din tiddeċiedi li ma tixhidx. Il-kawża tħalliet għas-16 ta’ Settembru li ġej