Sport Sport Ieħor

Imut iċ-ċiklist Bjorg Lambrecht fl-età ta’ 22 sena

Iċ-ċiklist Belġjan Bjorg Lambrecht miet fl-età ta’ 22 sena wara ħabta fit-tielet stadju tat-Tour de Pologne. Lambrecht ħabat madwar 60 mil mit-tmiem tat-tellieqa minn Chorzow lejn Zabrze fil-Polonja. Hu ttieħed bil-ħelikopter lejn l-isptar fejn miet aktar tard.

It-tim tiegħu Lotto Soudal qal li din hi l-akbar traġedja possibbli li setgħet tiġri lill-familja, ħbieb u sħab fit-tim ta’ Bjorg. Lambrecht kien fit-tieni staġun tiegħu fl-ogħla livell ta’ ċikliżmu professjonali u kien meqjus bħala wieħed mill-aktar ċiklisti Belġjani promettenti.

Hu rebaħ il-verżjoni ta’ taħt it-23 sena tat-tellieqa Liege-Bastogne-Liege fl-2017 u temm it-tieni fil-Kampjonati tad-Dinja tas-sena l-oħra wkoll ta’ taħt it-23 sena.