Kmieni dalgħodu tħabbret il-mewt tal-fundatur tal-Klabb Kotba Maltin, Pawlu Mizzi. L-aħbar ingħatat minn ibnu Joe Mizzi fuq Facebook.
L-aħbar ħasdet lil bosta kittieba li tul is-snin ħadmu ma’ Mizzi, li ħafna irreferu għalih bħala “missier il-ktieb Malti”.

Pawlu Mizzi, li huwa Għawdxi, kien sinonimu mal-fiera tal-kotba f’pajjiżna. Kien ukoll il-persuna li waqqaf id-dar ta’ pubblikazzjonijiet Midsea Books.
Hu kien se jagħlaq 90 sena f’Ottubru.
Kien fil-bidu tas-snin 70 meta Pawlu Mizzi waqqaf il-Klabb Kotba Maltin. Fost l-ambizzjonijiet li kellu, kif anke esprima hu stess f’diversi intervisti li ta, kien hemm li jippubblika ktieb bil-Malti kull xahar.
Fl-1992 kien ingħata l-Midalja għall-Qadi tar-Repubblika.
Intant tul il-jum kienu bosta dawk li wasslu l-kondoljanzi lill-familja Mizzi, fosthom il-Kap tal-PN Adrian Delia, u s-Segretarju Generali Clyde Puli.
Pawlu Mizzi kien miżżewweġ lil Maria Scicluna u kellu tlett itfal: Annamaria, Ginette u Joseph.
