Internazzjonali

In-Nazzjonijiet Uniti: Twissija dwar terrur ġdid qabel tmiem is-sena

Rapport tan-Nazzjonijiet Uniti qed jgħid li t-terroriżmu għadu qed jimponi theddida sinifikanti għad-dinja, peress li jistgħu għadhom ħajjin sa 30,000 ‘ġellied barrani’ li kienu ssieħbu mal-kawża qattiela tal-ISIS fl-Iraq u s-Sirja.

It-theddida, skont imkejjen speċjalisti mal-Kunsill tas-Sigurtà tan-NU, għandha tittieħed bl-akbar serjetà minkejja li naqsu l-attakki terroristiċi madwar id-dinja.

Fil-fatt, ir-rapport jinnota li ‘il-prospetti futuri tal-estremisti li ġġieldu fuq in-naħa tal-ISIS huma ta’ tħassib għall-komunità internazzjonali’. Dan meta wħud mill-ġellieda kapaċi, din id-darba, jissieħbu mal-moviment al-Qaeda inkella ma’ gruppi terroristiċi oħrajn li kapaċi jfeġġu fix-xena, fil-ġimgħat u x-xhur li ġejjin.

L-estremisti u l-militanti minn madwar id-dinja kienu ssieħbu ‘bil-mijiet’ mal-ISIS meta dan il-grupp, fl-2014, beda r-renju ta’ mewt u qerda fl-artijiet tal-Iraq u s-Sirja. Il-pajjiżi Ewropej jikkalkulaw li sa 6,000 minn dawn l-estremisti kienu vvjaġġaw lejn iż-żewġ pajjiżi Għarab dak iż-żmien u filwaqt li nqatlu madwar terz ta’ dawn il-ġellieda, għad fadal ‘terz ieħor tal-militanti li qed jinżammu fir-reġjun inkella rilokaw lejn bnadi oħra’.

L-Ewropa, s’issa, ma kenitx lesta biex tieħu lura ċittadini li marru fl-Iraq u s-Sirja bil-ħsieb li jiġġieldu għall-ISIS. Il-pajjiżi membri tal-Unjoni Ewropea, qed jinsistu li dawn in-nies perikolużi huma ta’ theddida għall-Istati inkwistjoni.

Il-President tal-Istati Uniti, Donald Trump, wissa li mal-2,500 ġiħadista li nqabdu mill-Amerikani u l-alleati tagħhom fis-Sirja u l-Iraq jistgħu dalwaqt ‘jispiċċaw iduru fl-artijiet tal-Ewropa’. Dan dment li l-Unjoni Ewropea ma taqbilx li ‘taċċetta lura volontarjament’ lill-ġellieda li telqu mill-Ewropa biex jappoġġjaw lill-ISIS.

Trump ikkritika l-fatt li l-UE mhix ħerqana li tirripatrija lill-‘ġellieda (tal-ISIS) Ewropej li nqabdu fil-Lvant Nofsani’ u tmexxi l-proċessi kontra tagħhom. Hu wissa mill-ġdid dwar ir-ritorn potenzjali, fl-Ewropa, ta’ ‘mijiet ta’ terroristi b’esperjenza tal-gwerra’.

Din mhix l-ewwel darba li Donald Trump insista biex l-Ewropa ‘tieħu lura’ lin-nazzjonali tagħha li marru fis-Sirja u l-Iraq biex jiġġieldu fuq in-naħa tal-ISIS u favur entitajiet terroristiċi oħrajn.

Fi Frar li għadda, il-Mexxej Amerikan kien irrefera għal ‘mijiet ta’ ġellieda tal-ISIS attivi’ waqt li stqarr li l-ġiħadisti x’aktarx li ‘jsibu posthom mill-ġdid fl-Ewropa’ wara l-kollass tal-kalifat li t-terroristi kienu ħabbru fl-2014. Dan meta Trump qed jattribwixxi d-disfatta militari tal-ISIS ‘totalment għall-isforzi tal-Amerikani’.

Il-kummenti ta’ Trump, sadattant, ma niżlux tajjeb mal-pajjiżi tal-Ewropa.

Fil-bidu tas-sena, Franza ħabbret li kienet qed tikkunsidra r-ripatrijazzjoni ta’ xi 130 irġiel u nisa ‘ġiħadisti’ biex jgħaddu mill-proċessi dovuti – iżda ma jidhirx li sar progress f’dan ir-rigward. L-uffiċjali Franċiżi, is-sena l-oħra, kienu qalu wkoll li qegħdin jaħdmu fuq pjani ‘biex jirritornaw lit-tfal li twieldu lill-familji tal-ġellieda barranin’.

Anki din is-sena, il-Ġermanja qalet li rritornaw f’artha madwar terz ta’ xi 1,000 Ġermaniż li jaħsbu li kienu ssieħbu mal-ISIS fl-Iraq u fis-Sirja, minn wara l-2013. L-awtoritajiet f’Berlin sostnew li ħafna minn dawn l-estremisti għaddew mill-proċessi dovuti inkella kienu suġġetti għal programmi ta’ rijabilitazzjoni.