Ekonomija Lokali

IŻ-ŻIEDA FIL-PETROL U D-DIESEL: Il-UĦM titlob laqgħa urġenti tal-MCESD

Il-UĦM Voice of the Workers talbet lill-Kunsill Malti għall-Iżvilupp Ekonomiku u Soċjali (MCESD) sabiex isejjaħ laqgħa urġenti bl-iskop li ssir diskussjoni serja ta’ kif iż-żieda filprezzijiet ta’ numru ta’ kommoditajiet, fosthom il-fuels, qed taffettwa lill-ħaddiema u l-familji tagħhom.

Il-UĦM Voice of the Workers kitbet formalment lil John Bencini, Chairman tal-MCESD, u saħqet sabiex il-MCESD, għal-laqgħa b’urġenza, ikun provdut b’tagħrif adekwat dwar kif qed jiġu kkalkulati dawn iż-żidiet.

John Bencini

Fl-aħħar jiem, il-UĦM Voice of the Workers ħeġġet lill-Gvern sabiex, bl-aktar mod immedjat, jikkumpensa lill-ħaddiema, lill-familji tagħhom u lill-pensjonanti permezz ta’ mekkaniżmu li jkun miftiehem mal-imsieħba soċjali. Din il-union kienet diġa’ ġiet injorata mill-Gvern wara li kienet ippreżentat proposta sabiex il-ħaddiema, il-familji tagħhom u l-pensjonanti jkunu kkumpensati għall-għoli fil-prezz tal-ħobż.

Il-UĦM Voice of the Workers qed tittama li l-istorja ma terġax tirrepeti ruħha għax jekk dan iseħħ ikun ifisser li l-ħaddiema u l-pensjonanti jispiċċaw jieħdu l-kumpens filBudget għall-2021.