Mara siekta, iżda li tat ħafna mħabba. Is-sinsla tal-familja li dejjem afdat fil-Mulej.
Hekk iddeskriva lil Tessie Bartolo, omm id-Deputat Nazzjonalista Ivan Bartolo, Patri Mario Attard, fl-Omelija matul iċ-ċelebrazzjoni ta’ ħajjitha.
Fil-Bażilika tal-Mosta, iddedikata lit-Tlugħ ta’ Marija Assunta fis-Sema, il-Quddiesa tmexxiet mill-Arċipriet Dun Bastjan Caruana, akkumpanjat minn għadd ta’ Saċerdoti.
Patri Mario rringrazzja lil Alla talli tana lil Tessie għax tfakkru fi kliem Ġesù meta radd il-ħajr lill-Missier talli ħeba l-għeġubijiet lil min hu għaref u wrihom liċ-ċkejknin. Għax Tessie kienet taf tħobb, b’umiltà u dejjem poġġiet lil Alla fl-ewwel post.
Kemm damet fuq din l-art, hi għallmet lil ta’ madwarha li jekk irid ikun kbir, wieħed għandu l-ewwel ikun żgħir – li dejjem issibha hemm mingħajr ħafna paroli żejjed.
Patri Mario qal li, bħal Tessie, nies li jibqgħu moralment b’saħħithom huma dawk li jitolbu anke għax ikunu kapaċi jagħrfu l-bżonnijiet ta’ dawk madwarhom.
Spjega li t-talb u l-Kelma ta’ Alla biss jistgħu jżommuna għaddejjin għax huma dawk li ma jtellfukx it-tama, iżda jgħinuk tiġġieled, li jiffriskawna u li jtuna l-kuraġġ.
Filwaqt li tenna li l-imħabba ma titkabarx u ma tmut qatt, Patri Mario kompla li Tessie ġralha bħal fit-talba ta’ Suor Faustina: ġie jżurha l-Mulej, għafasha miegħu u qalilha ‘strieħ ċkejkna tiegħi … għax jien dejjem miegħek’.
Lir-raġel u lil ulied Tessie, qalilhom li hi se tibqa’ tieħu ħsiebhom anke mis-sema, b’barkiet li se jibqgħu jakkumpanjawhom għaż-żmien li ġej.
Għal din iċ-ċelebrazzjoni attendew ukoll għadd ta’ politiċi, fosthom mill-Partit Nazzjonalista mmexxija mill-Kap tal-Partit Adrian Delia, kif ukoll oħrajn f’isem għadd ta’ għaqdiet lokali u nazzjonali.