Mara Awstraljana li kienet qed tbati b’tip ta’ kanċer terminali saret l-ewwel persuna li temmet ħajjitha taħt il-liġijiet ġodda dwar il-mewt assistita fil-pajjiż.
Kerry Robertson, li kellha 61 sena, mietet ġo nursing home fl-Istat ta’ Victoria wara li ngħatat permess biex tuża l-leġiżlazzjoni kontroversjali li teżisti biss f’dan l-Istat. Sadattant, l-Istati Awstraljani oħrajn qegħdin jikkunsidraw jekk idaħħlux il-leġiżlazzjoni partikulari.
Robertson saret taf li kellha l-kanċer f’sidirha fl-2010, bil-marda, imbagħad, tinfirxilha għall-għadam, il-pulmun u l-fwied. Intant, hi, ftit xhur ilu, iddeċidiet li twaqqaf il-kimoterapija u t-trattament bir-radjazzjoni wara li l-effetti u l-uġigħ tat-trattament saru intollerabbli għaliha.
Min-naħa tagħha, il-familja tal-mara qalu li ‘l-leġiżlazzjoni għall-mewt assistita għenet biex Kerry tmut bil-mod li xtaqet hi’.
Il-leġiżlazzjoni fl-Istat ta’ Victoria, li daħlet fis-seħħ f’Ġunju, tippermetti biex il-pazjenti b’mard terminali li jissodisfaw il-kriterji stabbiliti jeżerċitaw ‘id-dritt ta’ aċċess’ għal mediċina speċifika biex itemmu ħajjithom. Dan meta Kerry Robertson setgħet tirrikorri għall-proċedura wara proċess ta’ approvazzjoni li kien dam 26 jum.
Il-liġi għandha 68 element ta’ salvagwardja u hi maħsuba għall-pazjenti li jkunu qegħdin ibatu minn uġigħ terribbli lejn l-aħħar ta’ ħajjithom.
Jinħtieġ, għaldaqstant, li l-persuna marida tippreżenta tliet talbiet biex ittemm ħajjitha lit-tobba bit-taħriġ speċjali għal dawn il-kundizzjonijiet.
Il-persuna inkwistjoni, sadattant, irid ikollha tal-anqas 18-il sena u f’dawn il-każi jrid ikun stabbilit ukoll li jkun fadlilha anqas minn sitt xhur ta’ ħajja.
//= $special ?>