Il-produzzjoni taż-żejt mill-pajjiżi tal-OPEC, f’Lulju, niżlet għall-aktar livell baxx f’dawn l-aħħar tmien snin.
Dan waqt li l-qtugħ volontarju fil-produzzjoni tar-riżors min-naħa tal-Arabja Sawdija kompliet iżżid mar-riperkussjonijiet (fis-suq) tas-sanzjonijiet tal-Istati Uniti fuq l-Iran u tnaqqis ieħor mill-membri tal-grupp.
Madankollu – u minkejja n-nuqqas ta’ produzzjoni mill-OPEC – hu fatt sinifikanti li l-prezz taż-żejt mhux irraffinat niżel minn ftit aktar minn $75-il barmil (l-ogħla għal din is-sena rreġistrata fix-xahar ta’ April) għal $65, f’nofs il-ġimgħa li għaddiet.
Dan it-tnaqqis fil-prezz qed jitqies bħala wieħed konsiderevoli minbarra li meqjus bħala konsegwenza tat-tħassib dwar l-aħħar xejriet fl-iżvilupp ekonomiku.
L-14-il Stati tal-OPEC, f’Lulju, ipproduċew 29.42 miljun barmil żejt kuljum li hu l-inqas total (ta’ produzzjoni mill-OPEC) mill-2011.
L-istħarriġ jissuġġerixxi li l-Arabja Sawdija qed iżżomm mal-pjan biex il-produzzjoni (fuq deċiżjoni volontarja) taż-żejt titnaqqas b’aktar mill-ammont stabbilit mill-ftehim dwar il-provvista li qed isostni lis-suq.
L-OPEC, intant, kienet ġeddet il-patt għall-provvista f’Lulju, minkejja l-pressjoni tal-President tal-Istati Uniti, Donald Trump, biex tiżdied il-produzzjoni tar-riżors.
Min-naħa tiegħu, Stephen Brennock, tal-PVM Oil Futures Limited, qal li minkejja l-qtugħ fil-provvista taż-żejt li qed tmexxi l-OPEC ‘il-ħażniet enormi ( taż-żejt) fuq skala globali ma rreġistraw l-ebda tnaqqis, bis-swieq tad-dinja jistgħu jserrħu rashom mid-domanda’.
Intant, kien hemm ukoll pajjiżi tal-Golf – il-Kuwajt u l-Emirati Għarab Magħquda – li żiedu l-provvista taż-żejt filwaqt li (anki) żammew il-produzzjoni ’l isfel mill-miri tagħhom skont il-kriterji tal-OPEC.
//= $special ?>