Valletta jistgħu jilagħbu kontra Sarajevo tal-Bożnija jew BATE Borisov tal-Belarus fil-play-off tal-UEFA Europa League jekk jgħaddu mit-tielet rawnd tal-kompetizzjoni. Il-Beltin se jkunu qed jilagħbu fit-tielet rawnd kontra Astana bl-ewwel logħba tintlagħab il-Ħamis fl-4.00pm u l-partita ta’ ritorn tintlagħab il-Ħamis 15 ta’ Awwissu.
Iċ-champions lokali bdew l-avventura Ewropea fl-ewwel rawnd tal-UEFA Champions League. Huma eliminaw lil Dudelange tal-Lussemburgu bi draw ta’ 2-2 barra minn darhom u draw ta’ 1-1 f’pajjiżna. Fit-tieni rawnd, huma kienu eliminati minn Ferencvaros tal-Ungerija b’telfa ta’ 3-1 fl-ewwel logħba u draw ta’ 1-1 f’pajjiżna. Minħabba regola li daħlet fis-seħħ fl-aħħar snin, dawk it-timijiet li jkunu eliminati jkomplu l-avventura fl-Europa League.
Fost il-poloz l-oħra, teżisti possibbiltà li Torino u Wolves jiltaqgħu kontra xulxin stadju qabel il-fażi tal-gruppi tal-UEFA Europa League. Torino jilagħbu fit-tielet rawnd Shakhtyor Soligorsk li eliminaw lil Hibernians fl-ewwel rawnd. Wolves għandhom konfront doppju Pyunik tal-Armenja.
//= $special ?>