Lokali Qorti

“Pickpocketer” professjonali kundannata 8 xhur ħabs b’rabta ma’ diversi serqiet

Bulgara ta’ 33 sena, li minn sorsi fil-Qorti rriżulta li hija ‘pickpocketer’ professjonali ġie kundannata tmien xhur ħabs mill-Maġistrat Claire Stafrace Zammit wara li ammettiet li wettqet diversi serqiet fi tliet ijiem differenti.

Tolfoq u tibki tista’ tgħid tul is-seduta kollha Ginka Sandeva, li hija ‘gypsy’ ammettiet li b’kollox serqet €1,310. Is-serqiet wettqithom fil-31 ta’ Lulju, l-1 ta’ Awwissu u t-tieni ta’ Awwissu serqet flus kontanti u karti ta’ krediti fil-konfront ta’ turista.

Hija ammettiet ukoll li serqet flus għad-dannu ta’ żewġ nisa Maltin u persuni oħra u li fosthom kien misruq enevlope li kien fih il-flus. Ammettiet ukoll li serqet karta tal-identità.

Il-Qorti wara li kkunsidrat il-fatt li Sandeva, li m’għandix indirizz fiss f’Malta ikkoperat mal-Pulizija u li l-piena tvarja bejn ħames xhur u tliet snin, ikkundannata tmien xhur. Għaliha deher l-Avukat Shazoo Ghaznavi filwaqt li l-Prosekuzzjoni tmexxiet mill-Ispettur Jeffrey Scicluna.