Futbol Sport

Rifjutata offerta ta’ Real Madrid għal Paul Pogba

Manchester United irrifjutaw offerta ta’ €30 miljun u James Rodriguez mingħand Real Madrid għal Paul Pogba. L-offerta ma kinitx aċċettata minħabba li hi bogħod mill-valutazzjoni tal-klabb Ingliż għall-Franċiż. Pogba li għandu 26 sena spiċċa l-istaġun li għadda b’16-il gowl 11-il assist f’47 logħba fil-kompetizzjonijiet kollha.

Ix-xahar li għadda, l-aġent tiegħu Mino Raiola kien żvela li Pogba jrid iħalli l-klabb li ilu miegħu tliet snin. Rapporti fl-Italja f’Ġunju kienu qalu li Pogba jippreferi trasferiment ma’ Juventus iżda biż-żmien ikompli jonqos, jidher li hu mistenni li jibqa’ ma’ Manchester United hekk kif jidher li Real Madrid ma għandhomx il-fondi neċessarji.

Fuq in-naħa l-oħra, James Rodriguez ma jinsabx fil-pjanijiet ta’ Zinedine Zidane u jibqa’ b’ċans kbir li jħalli l-klabb. Hu kien ingħaqad ma’ Real Madrid wara t-Tazza tad-Dinja tal-2014 u għad għandu kuntratt sal-2021.

Fl-aħħar żewġ staġuni l-Kolombjan lagħab ma’ Bayern Munich u talab lill-klabb Ġermaniż biex ma jiħdux l-għażla biex jakkwistawh b’mod permanenti. Il-plejer ta’ 27 sena skorja 15-il gowl f’67 logħba u rebaħ darbtejn il-Bundesliga u t-Tazza Ġermaniża.