Lokali

“Se jbati l-poplu Malti”

Iż-żidiet reċenti fil-prezz tal-fjuwil u l-ħalib qed jagħmlu pressjoni kbira fuq persuni bi dħul baxx u medju – qalet dan il-gazzetta The Malta Indipendent fl-Editorjal tat-Tnejn.

Iż-żieda mhix waħda minima… 10c fuq il-ħalib u 5c fuq kull litru petrol, li meta kalkulati fuq xhur żgur ser ikunu qed jaffetwaw ammont kbir ta’ familji Maltin.

Riżultat ta’ dan, il-unions f’Malta qed jitolbu lill-Gvern jgħati kumpens lill-familji Maltin…u l-pressjoni fuq il-Prim Ministru u l-magna f’Kastilja, qed tikber sew. Anke meta wiehed jiftakar x’kien jghid Joseph Muscat qabel sar Prim Ministru.

Minkejja dan il-kliem sabiħ li fuqhom il-Maltin afdaw lil Muscat bit-tmexxija tal-pajjiż… il-Prim Ministru qed jinjora l-karba tan-nies, u l-famuz surplus mhux veru li qed jasal ghand kulhadd.

Dan filwaqt li l-media laburista qed tpinġi iż-żieda tal-fuel bħala waħda sfurzata minn żieda fil-prezz internazzjonali…anke jekk il-prezz internazzjonali taż-żejt qiegħed l-irħas li kien tul dawn l-aħħar snin.

Minkejja din il-kampanja tal-Gvern u l-media tiegħu biex jibqa’ jidher sabiħ f’għajnejn il-poplu… il-verita hi li mhux talli għola l-prezz tal-fjuwil u l-ħalib fost oħrajn, talli meta tikkumpara l-pagi tal-ħaddiema Maltin mal-bqijja tal-Ewropa, il-Maltin jibqgħu bl-inqas pagi u l-inqas żidiet fil-pagi tagħna – fatt li Gvern qed jibqa’ jipprovi jaħbu u jnessi.

L-Editorjal tal-Malta Indipendent qal li huwa fatt li meta tikkumpara l-pagi tal-Maltin u dawn iż-żidiet fid-dawl ta’ prezzijiet straordinarji fis-settur tal-propjetà… li anke qed joħolqu problemi serji biex banek jagħtu self… il-familji Maltin qed jispiccaw ibatu.

Madanakollu, il-Gvern, minkejja wegħdiet sbieħ… jibqa’ jagħlaq għajnejh u jsodd widnejh għat-tħassib tal-poplu.

Il-Malta Indipendent għalqet l-Editorjal tagħha billi tkellmet ukoll dwar il-bżonn li l-Gvern jibda joħloq inizjattivi biex jindirizza l-problema akuta tat-traffiku – meta sa Ġunju ta’ din is-sena, l-ammont ta’ vetturi liċenzjati f’pajjiżna kien ta’ kwazi 380,000 jew 82 karozza ġdida kuljum fit-toroq taghna.

Statistika li żgur turi li l-prijorità ta’ Joseph Muscat  mhux veru kif qalilna fil-billboards sbieh ta’ qabel l-elezzjonijiet.