Lokali Qorti

Sentenza sospiża wara li ammetta li seraq diversi għodod

Libjan ta’ 47 sena li huwa residenti Malta ġie kundannat sentejn ħabs sospiżi għal erba’ snin mill-Maġistrat Claire Stafrace Zammit wara li ammetta li seraq diversi għodod minn residenza fl-Imtarfa.

Emad Khalifa residenti r-Rabat ammetta li huwa wettaq dan ir-reat minħabba li għandu problema ta’ droga. L-Ispettur Robert Vella li ressaq lil Khalifa talab ukoll lill-Qorti biex minbarra li tipprovdi għas-sigurtà tal-vittmi tiġi kkunsidrata li tinħareġ ordni ta’ trattament fil-konfront tal-ħati.

Il-Qorti laqgħet it-talba u kkunsidrat il-fatt li Khalifa ikkopera mal-Pulizija u li dak kollu li seraq irrittornaħ lura. Il-Qorti qalet lill-ħati li huwa se jkun qed jingħata l-attenzjoni kollha minn uffiċjal tal-probation biex jaqta’ l-vizzju tad-droga.

Ordnat ukoll lil Khalifa biex joqgħod għal dak li jordnalu l-uffiċjal u fin-nuqqas ta’ dan huwa jista’ jerġa’ jitressaq il-Qorti u jiġi mmultat aktar minn elf ewro.