Il-President Amerikan, Donald Trump, qal li ‘il-mibgħeda ma għandhiex postha fl-Istati Uniti’. Dan wara li, fi tmiem il-ġimgħa, inqatlu 29 persuna waqt żewġ sparaturi tal-massa li seħħew f’Texas u Ohio – bil-kritiċi tal-President qegħdin jgħidu li ‘Trump għandu jġorr ftit mir-responsabbiltà’.
L-agħar attakk seħħ f’ħanut tal-Walmart f’El Paso, f’Texas u li fih inqatlu 20 persuna, b’disa’ oħra jitilfu ħajjithom fit-tieni sparatura li seħħet fl-inħawi ta’ Dayton (Ohio).
Għalkemm il-President Trump qal li jrid isir aktar biex l-Amerikani jevitaw dawn l-attakki, il-kritiċi tiegħu qegħdin jikkundannawh bħala ‘parti mill-problema’, huma u jirreferu għad-diskorsi tal-President kontra l-immigrazzjoni u l-oppożizjoni tiegħu għall-kontrolli fuq l-armi tan-nar.
Raġel abjad ta’ 21 sena li spiċċa arrestat dwar il-massakru fl-istabbiliment tal-Walwart mifhum li kien bagħat dokument online biex ifisser l-attakk bħala ‘tweġiba għall-invażjoni tal-Istat mill-Ispaniċi’. Intant, mhux ċar xi skop kellu l-aggressur f’Ohio li spiċċa joqtol lil oħtu u tmien persuni oħra qabel inqatel hu stess mill-pulizija.
Donald Trump, waqt kummenti lill-ġurnalisti, enfasizza li l-isparaturi tal-massa ilhom għaddejjin is-snin u jridu jieqfu. Hu anki rabat l-attakki f’Texas u Ohio ‘ma’ problemi ta’ mard mentali’, għalkemm l-investigaturi ma kkummentawx dwar l-istat mentali taż-żewġ aggressuri inkwistjoni.
Il-prosekuturi f’Texas qalu li l-qtil f’El Paso qed tkun trattata bħala ‘każ ta’ terroriżmu domestiku’ u qed jikkunsidraw li jressqu akkużi b’konnessjoni ma’ ‘reat ta’ mibgħeda’.
//= $special ?>