Libjan ta’ 41 sena, li ilu jgħix Malta għal dawn l-aħħar 20 sena daħal f’residenza f’San Pawl il-Baħar flimkien ma’ żewġ persuni oħra mhux magħrufa li sawwtu raġel li jgħix fil-post wara li talbuh xi flus. Fid-dar kien hemm iben il-vittma li rnexxielu jaħrab billi ħareġ fil-gallerija u qabeż għall-gallarija oħra li tagħti għal residenza maġenb id-dar.
Dan ħareġ mix-xhieda li ta l-Ispettur Godwin Scerri li ressaq lil Salah Sharif
li wkoll huwa residenti f’San Pawl il-Baħar u li akkużah li kkaġuna ġrieħi ħfief fuq persuna, b’serq aggravat, serq ta’ mowbajl, li kien f’pussess ta’ sikkina u li kkaġuna ħsara fuq propjetà ta’ terzi, li ssekwestra persuni, li hedded żewġ persuni u li kiser il-paċi pubblika.
Bl-investigazzjonijiet għadhom għaddejjin, l-Ispettur Scerri qal li l-prinċimess ta’ dan kollu huwa Sharif, li huwa wieħed minn allegatament grupp ta’ tliet irġiel li daħlu biex jisirqu mir-residenza. L-identità taż-żewġ persuni għadha mhux magħrufa bil-Pulizija għadha għaddejja bl-investigazzjonijiet tagħha biex tiskopri min huma.
Il-każ seħħ fit-22 ta’ Lulju għall-ħabta tas-7pm f’residenza fi Triq is-Sajf f’San Pawl il-Baħar, meta tliet persuni daħlu f’dar bl-għan li jisirqu fi dar kien hemm missier u ibnu. Madankollu huma ma serqu xejn għax fid-dar ma kien hemm xejn, biex l-allegati agressuri spiċċaw biex ħadu l-mobajl lill-vittma.
Surġenta tal-Pulizija li tat id-depoizzjoni tagħha qabel ma xehed l-Ispettur Scerri qalet li li t-tifel, li ħarab minn fuq il-post qal lill-pulizija li nstema’ “bum” u raw tliet irġiel fl-appartament. Ix-xhud qalet lill-Qorti li l-vittma, jiġifieri l-missier qalilha li kellu xi daqqiet f’idu u f’rasu.
Is-Surġenta qalet ukoll li meta arrestaw lil Sharif huwa beda jħabbat rasu mal-karozza. Minn naħa tiegħu Ispettur Godwin Scerri qal ukoll li huwa kien infurmat bil-każ dwar xi persuni li daħlu f’residenza bil-forza u aggreddixxew lil missier u lill-ibnu.
Sostna li meta wasal fuq il-post lemaħ sinjali ta’ sgass. Spjega li fuq il-post ra ħġieġ mkisser mal-art. Filwaqt li fil-kamra tas-sodda kien hemm iktar ħġieġ, demm u taqlib li ddeskriva bħala wieħed kbir. Spjega li fil-kamra l-oħra ma kienx hemm daqstant taqlib kbir imma kien hemm id-demm.
Scerri spjega li t-tliet irġiel qabdu lit-tifel u daħluh flimkien ma’ missieru f’kamra li għandha gallarija għal barra. Kien hawn li l-irġiel talbuhom il-flus bil-forza. Huwa spjega li t-tifel irnexillu jiżgiċċa u qabez mill-gallarija għal għand il-ġirien li żammewh sakemm ġew il-Pulizija.
Il-missier qal lill-Pulizija li huwa kien għaraqf lil Sharif li jgħix ftit il-bogħod minnu. L-Ispettur qal lill-Qorti li nġabru xi filmati, u li filmat minnhom l-akkużat jidher jagħti xutt lill-bieb. Persuni li kienu fuq il-post qalu lill-Pulizija li ż-żewġt irġiel kienu ħarbu jiġru minn fuq il-post.
L-avukat Martin Fenech li deher għall-akkuat għamel talba għall-ħelsien mill-arrest ta’ Sharif. Qal li huwa għandu “kondotta nadifa ħafna” u li ilu 20 sena jgħix Malta u qatt ma qala’ nkwiet.
Il-Prosekuzzjoni oġġezzjonat għat-talba minħabba li l-investigazzjoni għada għaddejja dwar iż-żewġ persuni l-oħra u għalhekk jista’ jkun hemm intraċċ tal-provi. Il-Maġistrat Claire Stafrace Zammit se tkun qed tiddeċidi dwar il-ħelsien mill-arrest fil-jiem li ġejjin.
//= $special ?>